Barranin
Appell biex jinħolqu kurituri umanitarji madwar Tripli

Il-Kummissarju tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Magħquda Michele Bachelet sejħet għall-ħolqien ta’ kurituri umanitarji madwar u fi Tripli, il-Libja sabiex il-pajżana, l-immigranti u r-refuġjati jkunu jistgħu jiġu evakwati b’mod sigur minn żoni ta’ kunflitt.

Hija appellat għal waqfien mill-ġlied, filwaqt li wissiet li l-attakki f’żoni popolati jiksru l-liġijiet internazzjonali. F’dan il-ġlied diġà nqatlu 345 persuna, fosthom 22 pajżana.

“There is an urgent need to create safe humanitarian corridors for trapped civilians, so I want to call for an immediate ceasefire, and the resumption of political talks,” qalet il-Kummissarju Għoli.

Hija għamlet dan l-appell fl-isfond ta’ ġlied fil-kapitali Libjani, bit-truppi tal-kmandant Khalifa Haftar baqgħu jippersistu sabiex jieħdu l-kontroll ta’ Tripli.

Skont l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-UNHCR, 42,000 persuna kellhom jaħarbu min djarhom mindu beda l-ġlied tliet ġimgħat ilu. Mat-3,300 immigrant għadhom maqbudin viċin il-ġlied f’ċentri ta’ detenzjoni qrib Tripli.

Sadanittant, il-UNHCR evakwat 146 refuġjat, fosthom tfal li ttieħdu l-Italja, fejn qed tiġi proċessata t-talba tagħhom għal status ta’ refuġjati.