Appell għall-għaqda fost il-Maltin li jgħixu barra

L-identità u l-kultura u t-tifsira tagħhom għall-komunitajiet tal-Maltin li jgħixu barra kienu t-temi diskussi fl-ewwel sessjoni tal-konvenzjoni tal-Maltin ta’ barra.

Ir-rappreżentanti tal-komunitajiet Maltin li jgħixu l-Awstralja, l-Istati Uniti u r-Renju qalu li l-identità Maltija fost il-Maltin ta’ barra qed tevolvi u tiżviluppa b’rata mgħaġġla ħafna.

Dan ħareġ minn fomm ir-rappreżentanti tal-komunitajiet Maltin ta’ barra li qed jiltaqgħu f’konvenzjoni f’Malta biex iġeddud l-għeruq tagħhom.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt, il-Professur Maurice Cauchi qal li mir-riċerka li għamel fost tliet ġenerazzjonijiet ta’ Maltin Awstraljani, turi li numru mdaqqas ta’ dawk li huma iżgħar fl-età bil-mod il-mod qed jitilfu l-kapaċità li jikkomunikaw bil-lingwa Maltija. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-kultura.

“Dawn in-nies iż-żgħażagħ baqgħalhom il-kultura Maltija jiġifieri għadhom jieklu l-istess ikel, għadhom jafu wkoll fuq l-istorja ta’ Malta u baqgħalhom dil-ġebbieda Maltija, ma hemmx dubju li l-kultura Maltija għadha teżisti fiż-żgħażagħ u not so żagħżagħ, għax hemm minnhom issa wasslu fis-70 sena,” qal il-Professur Cauchi.

Louis Vella mill-komunità Maltija fl-Istati Uniti qal li l-immigrant li kien jitlaq għal snin twal u jirritorna biss lejn Malta biex jirtira m’għadux jeżisti.

“L-immigrant kien jitlaq u l-immigrant konna ninsewh, illum il-ġurnata m’għadiex hekk hux,” qal Louis.

Anki fir-Renju Unit, fejn Bernard Scerri jirrappreżenta l-komunità Maltija, qal li l-identità Maltija evolviet ħafna fl-aħħar snin.

“Il-kultura iżommuha, imma hemm differenza mill-original jiġifieri il-mass migration li kienet saret wara second world war,” qal Bernard.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-kunċett ta’ x’jagħmilna Maltin jevolvi maż-żmien, bħaċ-ċittadinanza u l-immigrazzjoni.

Spjega li ż-żgħażagħ illum jitilqu minn Malta biex jiksbu esperjenza u meta jiġu lura, jaqsmu mal-bqija tas-soċjetà dak li kisbu, fejn qabel l-immigrazzjoni kienet one way ticket biex wieħed jagħmel il-flus, imbagħad jiġi lura biex jirtira.

Huwa appella għall-għaqda fost il-Maltin li jgħixu barra għax qal li l-frammentazzjoni bejn il-komunitajiet ittellef il-konverġenza iżda l-għaqda tagħmilha aktar faċli biex jinkiseb progress.

Dr Muscat tkellem dwar l-akbar traġedja li seħħet fil-Meditteran nhar il-Ħadd u qal li fil-mira ta’ Malta mal-bqija tal-Ewropa hemm it-traffikanti li qal bla skrupli ta’ xejn, jisolħu l-flus mingħand nies iddisprati. Qal li minn kull dgħajsa jsiru bejn €1 miljun u €5 miljun fi profitti.

Indirizza l-konvenzjoni wkoll, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li ukoll appella biex il-Maltin jibqgħu magħqudin biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw l-isfidi. Żied li l-Oppożizzjoni hija mpenjata li tgħin lill-Maltin jiksbu mingħajr xkiel dak li għandhom dritt għalih bħal passaporti u benefiċċji li huma intitolati għalihom.

Il-konvenzjoni li fiha qed jieħdu sehem rappreżentanti ta’ komunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta, infetħet il-bieraħ mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u matulha qed jiġu diskussi divesri temi fosthom kif jistgħu jibqgħu jgħixu t-tradizzjoni, l-valuri u anke iżommu ħajja l-lingwa Maltija.