COVID-19
Appell lill-Maltin li qegħdin barra biex ma jdumux jaħsbuha jekk iridu jirritornaw

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin appella lill-Maltin li jinsabu barra u jixtiequ jirritornaw Malta biex ma jħallux aktar żmien jgħaddi, għax spjega li sar aktar diffiċli li wieħed jiċċaqlaq minn pajjiż għal ieħor. Sadanittant, Malta kienet kruċjali biex għadd ta’ residenti barranin imorru lura pajjiżhom, f’ħidma li qed tiġi rikkonoxxuta fuq livell internazzjonali.

Mindu faqqgħet l-imxija tal-COVID-19, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej saħħaħ il-ħidma biex b’kollaborazzjoni ma’ gvernijiet oħrajn jassisti fir-ripatrijazzjoni ta’ barranin li xtaqu li jirritornaw f’pajjiżhom.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li Malta wkoll sabet l-għajnuna ta’ pajjiżi bħall-Ġermanja sabiex jinġiebu l-Maltin li kienu f’pajjiżi mbiedgħa – fejn m’hemmx titjiriet tal-Air Malta.

“Jekk għandna nies l-Amerika Latina, jekk għandna nies il-Filippini, jekk għandna nies postijiet oħra, l-Asja u postijiet fl-Afrika fejn l-Air Malta ma ttirx, hemmhekk qed ikollna kollaborazzjoni mal-Gvern Ġermaniż, biex parti mis-seats tal-ajruplani jirriservawhom għall-Maltin biex iġibuhom ġol-Ewropa, u mbagħad aħna minn hemm ngħinu biex inġibuhom lura lejn Malta.”

Il-Ministru Bartolo appella lill-Maltin li jinsabu barra biex jifhmu l-gravità tas-sitwazzjoni u min għandu jiġi lura, jiġi. Spjega li żdiedet id-diffikultà biex l-ajruplani jitħallew itiru speċjalment fil-pajjiżi li waqqfu l-ivvjaġġar – kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar.

“Kelli nitkellem ma’ Ministri tal-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi oħra pereżempju l-Indja fejn jgħidlek sal-erbatax ta’ April tkellmunix, għax tajna ordni ta’ lockdown totali li mhux se nħallu titjiriet isiru. Anke għandna pajjiżi oħra li għamlu hekk għalhekk irid lin-nies tagħna jifhmu kemm sar aktar diffiċli li issa tiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor.”

Il-Ministru żied jgħid li għalkemm is-servizz ta’ ripatrijazzjoni beda ftit jiem wara li faqqa’ l-ewwel każ ta’ COVID-19 f’Malta erba’ ġimgħat ilu – għadd hemm
Maltin li jridu jiġu. Il-Maltin li nqabdu f’pajjiż ieħor u jridu jiġu lura jistgħu jċemplu fuq 2204 2200.

Il-Ministru rrimarka li waqt li hemm kollaborazzjoni kbira bejn il-pajjżi f’dan il-proċess, mhux l-istess jista’ jingħad fejn jidħol tagħmir mediku bħalma huma ventilators. Fi kliemu bħalissa għaddejja gwerra feroċi għalihom fid-dinja. “Smajna bi stejjer fejn insterqu anke containers, fejn anke ajruplan se jitlaq b’apparat iwaqqfuh fuq ir-runway u jeħdulu l-affarijiet u jkunu sejrin pajjiż u jmorru pajjiż ieħor.”

Il-Ministru Bartolo qal li l-Gvern Malti għaddej b’ħidma biex jinġiebu aktar ventilators. Intant, Malta rċeviet nofs miljun maskra mingħand is-sid tal-kumpanija Praude Asset Management, l-avukat Massimo Malvestio, li ġew manifatturati fir-reġjun Taljan ta’ Veneto.

Is-Segretarju Parlamentari, Deo Debattista spjega dawn huma maskri li tużahom darba u se jintużaw minn diversi entitajiet bħal Forzi Armati, il-pulizija, u l-ħaddiema fid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manuntenzjoni. Qal li jekk in-nies tidra tużahom – maskri bħal dawn jistgħu jintużaw ukoll f’postijiet bħal supermarkets. “Jekk użati tajjeb inti se tnaqqas iċ-ċans li jkollok spread, iżda xejn mhu aħjar minn social distancing.”

L-ewwel minn dawn il-maskri intużaw mill-242 Taljan li nhar il-Ħadd filgħodu ħallew Malta bil-katamaran tal-Virtu Ferries għal Sqallija. B’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata Taljana, mindu faqqgħet din il-kriżi aktar minn elf u sitt mitt Taljan li jgħixu Malta rritornaw l-Italja.

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Wara kważi erbgħin jum fuq il-baħar, il-Gvern Malti ddeċieda li jdaħħal f’Malta lill-immigranti li kienu qed jinżammu barra t-territorju Malti. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fuq dawn il-vapuri saret…

Enerġija

L-istudju għall-impatt ambjentali għall-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, ERA, waqt li l-awtoritajiet kompetenti fl-Italja qed jiffinalizzaw l-istudji biex jiġi ppreżentat ukoll ir-rapport tal-impatt…

Stejjer Umani

Imweġġa’ bil-qtil brutali tal-Afro Amerikan George Floyd fl-Istati Uniti u bil-qtil razzista wkoll tal-immigrant Lassana Cisse s-sena li għaddiet, Martina Borg marret fuq il-midja soċjali b’messaġġ emozzjonali kontra r-razziżmu. It-tfajla…

Aktar