Parlament
Approvat abbozz ta’ liġi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

Il-Kamra tad-Deputati ddiskutiet u approvat fit-tieni qari l-abbozz ta’ liġi biex jidħlu emendi li joħorġu mid-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li introduċa l-abbozz qal li qed tingħata tifsira usa u aktar ċara ta’ x’jikkostitwixxi l-ħasil ta’ flus u tħarrax ukoll is-sanzjonijiet li tista’ timponi l-Qorti. Huwa qal illi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus trid tiġi miġġielda mhux biss mill-gvern iżda wkoll mill-istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji, mill-professjonisti fl-oqsma legali, dawk finanzjarji u oqsma oħra kif ukoll mill-operaturi ekonomiċi.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern diġà daħħal liġijiet li waqqfu l-uffiċċju tal-irkupru u l-liġi dwar ir-rikavat minn reati kriminali. Huwa qal li kullħadd irid iġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu. Semma’ wħud mis-sanzjonijiet ikkontemplati fosthom li persuni jew kumpanija ħatja ta’ ħasil ta’ flus jistgħu jiġu skawlifikati milli jikkompetu għal kuntratti pubbliċi fost oħrajn. Huwa qal li r-rapport tal-Moneyval iċċertifika li Malta għamlet pieni proporzjonati mar-reati f’dan il-qasam.

Il-Ministru Zammit Lewis irrefera għal stqarrija tal-Oppożizzjoni u qal li l-obbligu tal-politiku huwa li joffri l-għodda biex l-istituzzjonijiet jaħdmu, waqt li joffriu l-kapaċità amminsitrattiva biex dan iseħħ. Huwa qal li fl-aħħar 13-il xahar, il-gvern għadda liġijiet rilevanti waqt li għamel investiment massiċċ fir-riżorsi umani u finanzjarji f’dan il-qasam. Qal li mhux aċċettabbli li għax affarijiet ma jimxux kif jixtiequ ċerti membri tal-Oppożizzjoni tgħid li l-istituzzjonijiet mhumiex jaħdmu.

Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid illi l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu b’mod ħieles biex iwettqu xogħol b’aktar effettività.

Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni taqbel mal-abbozz iżda trid li ċerti artklii fil-liġi preżenti għandhom jinżammu wkoll fejn trid ikun il-persuna akkużata li tipprova li l-ġid li jkollu għamlu b’mod leċitu u mhux il-Pulizija trid tipprova li dawk huma flus maħmuġin.