Lokali
Approvat il-permess biex jinbena sular ieħor fuq il-lukanda Panorama fil-Mellieħa

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-permess biex jinbena sular ieħor fuq il-lukanda Panorama fil-Mellieħa li bħalissa hija ta’ sitt sulari. L-applikazzjoni qajmet diversi reazzjonijiet kif anke jidher mil-fatt li l-permess ġie approvat bi tmien voti favur u tlieta kontra.

Il-lukanda Panorama fil-Mellieħa li tħares fuq il-bajja tal-Għadira ser tiżdied b’sular minflok tlett sulari, kif kien propost oriġinarjament. Dan wara li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva applikazzjoni riveduta.

Skont il-pjanti riveduti, is-sular ser ikun irtirat lura u mad-dawra ser ikollu ġnien żgħir. Il-Perit tal-proġett Colin Zammit qal li l-pjanti riveduti naqqsu l-impatt viżiv tal-estensjoni.

Il-Professur Victor Axiaq li jirrapreżenta l-Awtorità tal-Ambejnt u r-Riżorsi qal li wara li nbiddlu l-pjanti għandha terġa’ tittieħed l-opinjoni tas-Sovraintendenza tal-Wirt Kulturali, li kienet oġġezjonat għall-proposta oriġinali minħabba l-impatt fuq id-dehra tal-Knisja tal-Mellieħa.

Id-Direttorat tal-Ippjanar li kien irrakomanda r-rifjut tal-permess għax qal li l-applikazzjoni tmur kontra l-liġijiet tal-Ippjanar minħabba li għandha ħitan kbar li qegħdin f’xifer ta’ għolja f’żona prominenti. Żied jgħid li l-lukanda preżenti diġà hija għola mil-limitu stipulat fil-pjan lokali għaż-żona.

Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kienu oġġezjonaw għal din l-estensjoni u l-Għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li dan il-permess imur kontra l-wegħda tal-Prim Ministru Robert Abela għal-binjiet li jirrispettaw l-irħula u l-pajsaġġ Malti.