Ippjanar u bini
Approvat il-permess għat-twessigħ ta’ Triq Għeriexem li qed tisfronda

Applikazzjoni għat-twessigħ ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat, li tagħti mir-Roman Villa san-Nigret, ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar b’7 voti favur, u 3 kontra.

Waqt il-laqgħa s-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li l-proġett huwa wieħed urġenti minħabba li t-triq qiegħda tikkollassa u qiegħda ssir ħsara fir-residenzi tal-madwar.

It-triq mid-Domus Romana san-Nigret fir-Rabat ser tinbena mill-ġdid b’sistema ta’ kolonni tal-konkos li ser jissudaw it-triq li nbniet fuq it-tafal. Waqt laqgħa ta’ tliet sigħat li kkunsidrat l-applikazzjoni li saret mill-Ministeru tal-Infrastruttura u l-proġetti kapitali, il-Perit Robert Fenech qal li l-proġett fost oħrajn ser itejjeb il-konnetività. Huwa spjega kif mal-kareġġjati tat-triq li ser ikunu wiesgħa 7 metri u nofs ser jiżdied promenade ta’ żewġ metri b’veduti tal-Imdina u l-Imtarfa.

Il-Perit spjega li biex tiġi indirizata l-instabilita tat-triq u l-bini tal-madwar, it-triq ser tinbena fuq kolonni fuq in-naħa tal-wied biex ma jintmessx il-blat li fuqu qed jistrieħu d-djar.

Id-direttorat tal-ippjanar li rrakkamonda l-proġett għall-approvazzjoni, qal li minħabba li dan ser isir f’żona ta’ valur għoli, qabel jinbdew ix-xogħlijiet ser issir investigazzjoni arkeoloġika. Il-Perit tal-proġett qal li diġa saru studji prelimari dwar dan.

L-arkeologu Dr Reuben Grima qal li l-proġett ser ikollu impatt fuq l-arkeoloġija. Dr Grima qal li ghalhekk l-ewwel għandhom isiru l-istudji dettaljati fuq l-arkeoloġija imbagħad jingħata l-permess.

Iċ-Chairman tal-bord, il-Perit Vince Cassar, qal li jekk l-investigazzjoni ssib fdalijiet arkeoloġiċi li jridu jiġu preservati, is-sovrintendenza għall-wirt kulturali tista’ twaqqaf il-permess.

Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Professur Victor Axiak, qal li bil-proġett se jitneħħew 16-il siġra, fosthom waħda mill-ikbar siġar tat-tin f’Malta, u jinvolvi interventi li ser ikollhom impatt fuq il-wied u l-għejjun tal-ilma li jagħtu għal ġo fih.

“Ma nistgħux nieħdu minn din iż-żona tant sensittiva, u nifhem ukoll l-importanza li n-nies igawduh, imma n-nies iridu jgwadu xi ħaġa li tibqa’, mhux xi ħaġa li ħa neqirdu għax inkella għal xejn,” qal Prof Axiaq.

Residenta li toqgħod fiż-żona qalet li l-pedament tat-triq tant huwa fraġli li qiegħda tibża li darha ma tiflahx ghat teżiżiet tal-proġett. “Diġà għandi s-saqaf maqsum, kif tista’ taraw maqsum kollu, ġifieri kif jibda x-xogħol jien imsarni f’saqajja u ser nitlaq minn hawn.”

Is-sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li qabel jibdew ix-xogħlijiet għandha ssir analiżi ta’ kull binja fl-inħawi, u jekk hemm bżonn jiġu evakwati r-residenti waqt li jsiru x-xogħlijiet.

Il-permess ġie approvat b’7 voti favur u 3 voti kontra.

Ara wkoll:

Żewġ familji evakwati minn djarhom – ix-xogħol kif titla’ s-Saqqajja mistenni jieħu ġimgħat

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar