Lokali
Approvat il-proġett ta’ flyover u mina taħt l-art minflok ir-roundabout ewlenija ta’ Ħal Luqa

L-Awtoritá tal-Ippjanar approvat il-proġett tal-Junction ta’ Ħal Luqa biex flok ir-roundabout prinċipali ta’ Ħal Luqa tibni junction b’livelli differenti għal aktar ħeffa u sigurezza fir-rotot ewlenin bejn Ħal Qormi, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport, il-mini ta’ Ħal Kirkop u Birżebbuġa.

Infrastructure Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-awtorità u qalet li flimkien mal-proġett tal-mini f’Ħal Kirkop li għaddej bħalissa, dan il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’74% filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja fl-inħawi – sa 9.1 tunnellati inqas trabijiet fini (materja partikulata) u 33,000 tunnellata inqas dijossidu tal-karbonju fl-arja kull sena.

Il-proġett ġie approva f’laqgħa li saret illum waranofsinhar fejn sab l-oġġezzjoni tal-Moviment Graffitti li fuq il-paġna ta’ Facebook qal li l-awtorità approvat it-teħid ta’ 2,375 metru kwadru ta’ art għal dak li sejħet bħala eżerċizzju inutli għat-twessigħ ta’ toroq.

Qalet li minkejja l-appelli ta’ bdiewa u residenti fiż-żona, li tul is-snin tilfu 4,500 metru kwadru ta’ art agrikola li ġew esproprijati, il-Perit ta’ Infrastructure Malta Robert Zerafa saħaq li l-proġett kien meħtieġ minħabba konġestjoni kbira f’din iż-żona.

Waqt li kkundannat lill-Infrastructure Malta għal dawk li sejjaħ bħala tattiċi biex tgħatti l-qerd tal-ambjent, Graffitti qalu li dan il-proġett se jwassal biex jintilfu 41 siġra matura fiż-żona li wħud minnhom qalet li saru rari f’pajjiżna.

Min-naħa tagħha, Infrastruttura Malta spjegat li l-proġett ġdid se jinkludi flyover, mina taħt l-art u karreġġati oħrajn biex jipprovdu konnessjonijiet diretti bejn tliet toroq arterjali, jiġifieri Triq San Tumas lejn Ħal Qormi, Triq il-Kunsill tal-Ewropa minn Santa Luċija u l-Marsa, u Vjal l-Avjazzjoni, li twassal għall-Gudja, Birżebbuġa, il-mini ta’ Ħal Kirkop kif ukoll l-Ajruport u l-Freeport.

Qalet li l-proġett se jbiddel ukoll il-medda art kbira fejn bħalissa hemm ir-roundabout, fi spazju miftuħ ta’ madwar 5,900 metru kwadru, sabiex il-biċċa kbira minnu jsir post pubbliku ta’ rikreazzjoni b’siġar, passaġġi u xogħlijiet tal-arti monumentali, u b’aċċess faċli biex tasal għalih bil-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.

Il-proġett jinkludi wkoll passaġġ għall-mixi u r-roti mifrud mit-triq tul parti minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jingħaqad mal-korsiji għar-roti u l-bankini li diġà hemm fi Vjal l-Avjazzjoni.

Il-flyover ġdida ta’ Luqa Junction Project se testendi 220 metru biex tipprovdi korsija diretta li tgħaqqad il-karreġġjata tan-Nofsinhar ta’ Triq San Tumas ma’ dik ta’ Vjal l-Avjazzjoni, lejn l-Ajruport, il-Gudja, Birżebbuġa u l-mini ta’ Ħal Kirkop.

Il-mina ġdida b’korsija waħda se tkun twila 60 metru u fonda aktar minn 5.5 metri. Din se tgħaqqad il-karreġġjata lejn il-punent ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa mal-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq San Tumas, biex dawk li jkunu qed jivvjaġġaw minn Santa Luċija jkunu jistgħu jibqgħu sejrin lejn Ħal Qormi mingħajr il-ħtieġa li jaqsmu minn quddiem karozzi li jkunu sejrin lejn l-Ajruport u destinazzjonijiet oħra fl-istess direzzjoni.