Lokali
Approvat Masterplan għax-xatt ta’ Marsalforn

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat Masterplan għat-tqegħid tal-imwejjed, is-siġġijiet u t-tined max-xatt ta’ Marsalforn, f’Għawdex.

Fi stqarrija l-awtorità qalet li l-politika dwar l-imwejjed u s-siġġijiet ippubblikata f’Lulju 2016 kienet ħeġġet li jinħolqu masterplans għal postijiet fejn hemm numru sostanzjali ta’ ħwienet li jservu l-ikel barra.

Il-masterplan tax-xatt ta’ Marsalforn, li jinkludi Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo, jalloka madwar 12,850 metru kwadru għall-imwejjed u s-siġġijiet tal-bars, ir-restoranti u ħwienet oħra.

Dan il-masterplan għandu jiżgura li l-imwejjed u s-siġġijiet ma joħolqux żgombru għal funzjonijiet oħra fiż-żona, b’mod speċjali għall-postijiet residenzjali, il-bankini fi Triq il-Port u ż-żona tas-sajjieda fil-Menqa.

Minkejja li se jitħallew isiru tined, dawn iridu bilfors jiġu magħżula minn fost erba’ mudelli speċifiċi. L-imwejjed u s-siġġijiet iridu jkunu moderni u jaqblu mat-tined.

Il-masterplan li ġie sottomess mill-Ministeru għal Għawdex jipproponi wkoll li d-dawra tax-xatt tkun kollha pedonali, filwaqt li t-toroq isirilhom wiċċ tal-porfido/lava.

Is-sidien tal-ħwienet issa se jkunu jistgħu japplikaw biex jingħataw permess jużaw iż-żoni għall-imwejjed u s-siġġijiet li ġew approvati fil-Masterplan.