Lokali
Approvata l-estensjoni ta’ €100m fl-ajruport – se tinkludi lukanda u iktar stabbilimenti kummerċjali

Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport, l-MIA għandha triq miftuħa biex fuq medda ta’ snin twettaq investiment ta’ aktar minn €100 miljun fil-konfini tal-ajruport.

Dan wara li kisbet l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-masterplan tagħha li fost oħrajn jaħseb għal żewġ binjiet oħra tal-uffiċini, bini ta’ parkeġġ ta’ żewġ sulari, it-tkabbir tat-terminal u lukanda.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg qal lil TVM li b’dan l-investiment il-kumpanija ser tirdoppja l-investiment li għamlet fl-ahhar 16-il sena.

Approvat l-espansjoni tal-ajruport

Kważi 30 sena mindu beda jopera, l-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta għandu pjan approvat ta’ espansjoni li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-kumpanija li tmexxi l-ajruport, l-MIA qed tippjana li tinvesti aktar minn €100 miljun ewro f’ħames fażijiet fuq medda ta’ snin.  Bil-masterplan li ġiet approvata, huwa ppjanat li tinbena lukanda ħdejn Skyparks, jitkabbar it-terminal tal-passiġġieri u l-parkeġġ, jiżdiedu żewġ blokok ta’ uffiċini kif ukoll l-ispazji kummerċjali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg qal li dawn il-progetti ser ikomplu jibnu fuq ir-ritmu ta’ tkabbir li l-MIA qed ikollha fl-operat tagħha.  “Permezz tal-masterplan ser inkunu qed niddisinjaw, fil-fatt diġà bdejna niddisinjaw estensjoni tat-terminal, biex inkunu nistgħu nakkomodaw iktar check-in desks, iktar gates li jagħtu għal fuq l-apron, iktar fakultà fejn nistgħu mmexxu l-ajruplani, kif ukoll iktar spazju ta’ ċirkolazzjoni, ovvjament it-tkabbir li kellna tul iż-żmien kien enormi, fil-fatt kbirna 80% kull sena għall-aħħar 10 snin, jiġifieri rridu nkomplu nsostnu dan it-tkabbir u nkabbru it-terminal infrastructure tagħna” qal is-Sur Borg.

Fiex tikkonsisti l-estensjoni tal-ajruport

It-terminal ser ikun estiż f’żewġ fażijiet, u miegħu ser tiżdied parti għall-istabbilimenti kummerċjali fejn bħalissa hemm l-entratura għat-terminal.  Flok il-pompa tal-petrol u l-istabbilment tal-McDonalds, qed ikunu ppjanati żewġ binjiet oħra ta’ Skyparks u lukanda ta’ 120 kamra. Il-pompa tal-petrol u l-istabbiliment ta’ McDonald’s ser jiġu rilokati.

Is-Sur Borg qal li l-ewwel fażi tal-masterplan ser tkun l-estensjoni fuq parti mill-parkeġġ li ser ikun ta’ żewġ sulari.  Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA qal, “F’Ottubru ser nibdew multi-story car park għal 1,300 karozza, li ser jieħu sena biex nimplimentawh imbagħad ser inkunu qegħdin inħarsu lejn l-iżvilupp ta’ Skyparks 2 u l-business hotel tagħna.”  Is-Sur Borg qal li b’dan il-pjan, l-MIA ser tkun qed tirdoppja l-investiment li għamlet f’dawn l-aħħar 16-il sena.

L-impatt tal-proġett fuq ir-residenti

Fil-laqgha tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat il-masterplan tkellmu Silvio Schembri u l-perit Carmel Cacopardo, li qalu li l-ajruport għandu impatt fuq ir-residenti minħabba t-tniġġis tal-ħoss kif ukoll minħabba t-traffiku li jiġġenera. Huma talbu li l-MIA jintroduċi inizjattivi li jgħinu lill-komunitajiet ta’ madwar l-ajruport.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità Johann Buttigieg qal li meta jkun komplut il-proġett, l-MIA ser tkun tat ‘l fuq minn €4 miljun fi planning gain li ser jinqasmu bejn il-Kunsilli Lokali ta’ Ħal Luqa, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop, il-Gudja, iż-Żurrieq u Ħal Għaxaq.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar