Infrastruttura
Approvata l-estensjoni tal-proġett tat-torrijiet fl-Imrieħel

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva applikazzjoni għal estensjoni tal-proġett tal-Quad Business Towers fl-Imrieħel, bi tmien voti favur u tnejn kontra.

Waqt il-preżentazzjoni lill-bord, il-Perit Paul Borg qal li l-estensjoni mhux ser iżid l-għoli tat-torrijiet minħabba li tkabbir ser isir permezz ta’ estensjoni fil-wisgħa ta’ wieħed mit-torrijiet, li ser iżżid l-ispazju tal-proġett fuq diversi sulari li kienu diġà ppjanati bi ftit iktar minn 9,000 metru kwadru.

Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent il-Professur Victor Axiaq li vvota kontra l-estensjoni, qal li l-Awtorità għandu jkollha masterplan għal żoni li fihom jista’ jkun hemm bini għoli. Tal-istess fehma kienu ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi, Clayton Bartolo u Marthese Portelli, li qalu li masterplan għal dawn iż-żoni tkun ta’ ġid kemm għall-pubbliku kif ukoll għal iżvilupaturi.

L-Awtorità tal-Ippjanar imponiet ħlas ta’ €230,000 li jridu jitħallsu mill-iżviluppatur biex ipattu għal dan l-iżvilupp fl-Imrieħel.