Barranin
Approvata l-ewwel kura f’20 sena għal pazjenti bid-dimensja

Il-Food and Drug Administration tal-Istati Uniti, l-FDA, tat il-barka tagħha għall-ewwel kura f’20 sena għall-marda tal-Alzheimer’s li tolqot madwar 30 miljun ruħ madwar id-dinja.

Il-kura Aducanumab, immanifattura mill-kumpanija Biogen, ġiet approvata wara fażi ta’ sperimentazzjoni twila. Biss, dan qajjem kontroversja fost ir-riċerkaturi peress li fl-imgħoddi din il-kura donnha ma ħallietx il-frott mixtieq fuq il-pazjenti waqt l-ittestjar u għaldaqstant ingħatat il-ġenb.

Fi kliem l-FDA, l-Aducanumab jindirizza l-għeruq tal-marda u mhux itaffi s-sintomi bħal bosta rimedji oħra li hawn fis-suq.

L-Alzheimer hija marda li tibda minn ħsara fiċ-ċelloli tal-moħħ. Fi ftit kliem, peress li jintfew ċelloli li jieħdu ħsieb il-memorja, dak li jkun ibati bid-dimensja.

Ċifri uffiċjali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juru li aktar minn 30 miljun ruħ fid-dinja ibatu b’din il-marda, bil-maġġoranza huma persuni ta’ aktar minn 65 sena.