Lokali
Approvata l-ħatra ta’ Dr Ryan Pace bħala Chairman tal-MGA

Il-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi approva l-ħatra tal-Avukat Ryan Pace bħala ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għal-logħob fejn sal-lum serva bħala deputat chairman.

Huwa ġie approvat bid-deputati tal-Oppożizzjoni jivvutaw kontra l-ħatra.

L-Avukat Pace ġie mistoqsi diversi drabi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar x’wassal għar-riżenja tal-ex kap eżekuttiv Heathcliff Farrugia, bl-Avukat Pace jgħid li huwa jaf dwar allegazzjonijiet fuq l-ex kap eżekuttiv mill-midja. Huwa qal li ma saret l-ebda allegazzjoni fil-konfront tal-Awtorità tal-Logħob.

L-Avukat Pace, qal li l-kariga tiegħu mhix eżekuttiva u m’għandux konflitt ta’ interess iżda fl-imgħoddi ta servizzi legali lil klijent f’dan il-qasam.

L-Avukat Pace qal li bħala deputat chairperson mexxa l-aktar proċess trasparenti fil-ħatra tal-kap eżekuttiv il-ġdid wara li għall-ewwel darba saret sejħa pubblika. Qal li fis-sitt xhur li għaddew assigura li l-industrija tal-logħob f’Malta tibqa’ għaddejja b’mod reżiljenti u bi tmexxija ta’ governanza tajba.

Għal xi ħin il-laqgħa tal-Kumitat kienet sospiża wara rimarki li għaddew bejn id-deputat Laburista Joe Mizzi u d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.

L-Avukat Pace iddikjara li l-Awtorità tal-Logħob għamlet minn kollox biex assigurat l-integrità tal-industrija u tal-ġurisdizzjoni Maltija fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru fil-gazzetti.

Dr Aquilina fisser li l-Oppożizzjoni kienet qed tivvota kontra minħabba l-affarijiet kif ġraw fl-awtorità u mhux fil-konfront tal-Avukat Pace.