Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Approvata t-tilqima tal-Moderna għall-Covid-19

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakkomandat li fl-Unjoni Ewropea tista’ tintuża t-tieni tilqima kontra l-COVID-19 żviluppata mill-kumpanija Amerikana Moderna. Ftit sigħat wara l-Kummissjoni Ewropea apprivat it-tilqima tal-Moderna u b’hekk se tkun tista’ tibda titqassam fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

It-tilqima żviluppata mill-Moderna tista’ tkun kruċjali biex tgħin lill-pajjiżi Ewropej li qed jaffaċċjaw żieda fl-għadd ta’ każi ġodda tal-COVID u tal-varjant ġdid tal-coronavirus. B’differenza mit-tilqima tal-Pfizer BioNtech din it-tilqima m’hemmx għalfejn tinżamm f’temperatura ta’ sebgħin grad celsius taħt iż-żero, ghax tista’ tingarr f’temperatura taht l-20 grad celsius taħt iz-zero. Fl-Ewropa t-tilqima tal-Moderna ser tiġi mmanifatturata fi Spanja.

L-Unjoni Ewropea ordnat 180 miljun doża mingħand il-Moderna u 300 miljun doża mingħand il-Pfizer u BioNTech, li kienet l-ewwel tilqima kontra l-COVID li ġiet approvata fid-dinja u bdiet tingħata f’Malta u fil-pajjiżi l-oħrajn Ewropej fil-jiem li għaddew.

Hekk kif aktar minn 30 pajjiż madwar id-dinja qegħdin ilaqqmu lill-persuni li jinsabu f’rikju għoli li jimirdu bil-COVID-19, id-direttur ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa. Tedros Ghebreyesus, qal li huwa mportanti li jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies madwar id-dinja.

Fl-Italja, tlaqqmu eluf ta’ ħaddiema tas-saħħa, fosthom tobba, infermiera u tekniċi biex fl-ewwel fażi ser ikunu ngħataw it-tilqima madwar 8,000 persuna. L-Italja u l-Greċja qegħdin jirrapurtaw nuqqas ta’ labar għat-tilqim filwaqt li Spanja ma għandiex biżżejjed infermiera mħarrġa biex ilaqqmu l-vaċċin tal-Covid.

Fi Franza fejn qegħdin jitlaqqmu t-tobba u l-infermiera ta’ ‘l fuq minn 50 sena, diġà ngħataw il-vaċċin madwar 7,000 persuna.

Fl-Olanda, infermiera ngħatat l-ewwel tilqima kontra l-COVID-19 fil-pajjiż, wara li dewmien fil-proċess tat-tilqim li tawwal għal għaxar t’ijiem wassal biex l-Olanda huwa l-aħħar pajiż tal-Unjoni Ewropea li beda jagħti t-tilqim.

Madwar id-dinja, in-numru ta’ każi ta’ COVID-19 qabeż l-84 miljun filwaqt li kważi miljun u tmien mitt elf ruħ, tilfu l-battlja kontra l-COVID-19.

Illum l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta ħabbru kif se jingħata t-tilqim matul is-sena abbażi tal-approvazzjoni tal-Moderna.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Sal-aħħar ta’ Mejju jitlaqqmu l-frontliners, persuni f’residenzi u l-vulnerabbli