Immigrazzjoni
Approvati proposti ta’ Miriam Dalli għal iktar fondi lill-pajjiżi milquta mill-immigrazzjoni

 

Approvati proposti li saru mill-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli biex pajjiżi bħal Malta jingħataw fondi sabiex jiffaċċjaw pressjoni minħabba l-immigrazzjoni rregolari.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropeja jammontaw għal €500 miljun u se jmorru għall-mira ta’ solidarjetà, permezz ta’ azzjonijiet bħall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni u miżuri li jsaħħu l-politika tal-ażil, fost oħrajn.

Dawn il-proposti ġew approvati wara vot li ttieħed mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.

Intqal ukoll li Dr Dalli bħalissa qed taħdem fuq żewġ liġijiet marbuta mal-migrazzjoni irregolari – waħda hija dwar fond ta’ aktar minn €10 biljuni u l-liġi l-oħra hija dik li ġiet ivvutata fil-kumitat.

Fl-istqarrija jingħad li l-liġi li għaddiet titlob li l-€500 miljun li sa issa għadhom ma ntużawx mill-pajjiżi tal-UE jintużaw apposta biex Malta taċċerta wkoll il-mekkaniżmu tar-rilokazzjoni, b’Dr Dalli ġiet ikkwotata tgħid li din hija xi ħaġa li l-Prim Ministru Joseph Muscat wera kif tista’ ssir bis-serjetà u bil-fatti matul dan is-sajf.

Il-pass li jmiss huwa vot fil-plenarja biex b’hekk Dr Dalli tkun tista’ tinnegozja f’isem il-Parlament Ewropew waqt in-negozjati inter-istituzzjonali.