Barranin
Ara: 12 mejta wara li nqabdu f’metro bl-ilma sa qaddhom fiċ-Ċina

Tal-anqas 12-il persuna tilfu ħajjithom u ħamsa oħra ndarbu wara li kienu ilhom madwar siegħa maqbuda f’metro bl-ilma sa qaddhom fil-kapitali tal-provinċja ta’ Henan fiċ-Ċina, Zhengzhou.

Iċ-Ċina tinsab milquta minn waħda mill-agħar għargħar li qatt għamlu fil-pajjiż. Digi u ġibjuni jinsabu mfawrin bl-ilma u eluf ta’ suldati qed jieħdu sehem f’ħidma ta’ salvataġġ fil-provinċja.

F’filmati li jkexkxu, għadd ta’ passiġġiera, fosthom tfal, jidhru mrassin f’metro bl-ilma sa qaddhom. Passiġġiera, li kienu qed jivjaġġaw fuq il-Linja 5 tal-metro ta’ Zhengzhou.

L-inċident seħħ it-Tlieta billejl, kif tinstema’ tgħid f’filmat separat waħda mill-persuni abbord il-metro. Ftit wara, il-persuna li ġibdet il-filmat raddet ħajr lill-pumpiera li waslu fuq il-post minnufih. Ta’ min jinnota, li l-ilma baqa’ jogħla sa spallejn il-passiġġiera.

S’issa, minn tal-anqas 25 persuna mietu fl-għargħar li laqat ħabta u sabta lill-provinċja ta’ Henan fiċ-Ċina, u mal-100,000 ruħ kienu evakwati f’Zhengzhou.

F’Henan, għall-jiem li ġejjin, hija mbassra aktar xita qalila.