Festi
ARA: 22 personalità onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat

Tliet politiċi kienu fost tnejn u għoxrin personalità li ġew onorati bid-dekorazzjonijiet tal-istat. Magħhom ġew onorati wkoll diversi personalitajiet għas-servizzi li taw fil-karrieri distinti tagħhom. Fosthom jispikkaw il-kuntistabbli Simon Schembri, ix-xandara Ġorġ Peresso u Albert Marshall, u wara mewtu Charles Miceli għall-ħidma tiegħu favur il-fqir u l-batut.

Fl-44 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika, saret iċ-ċeremonja tal-investitura, li fiha l-istat jagħti l-unuri tiegħu. L-ogħla unur din is-sena ngħata lill-ex kummissarju Ewropew Tonio Borg, li għal diversi snin serva wkoll bħala Ministru fi gvernijiet nazzjonalisti fejn kien ukoll Deputat Prim Ministru. Dr Borg huwa wkoll lettur fl-Università ta’ Malta u awtur ta’ diversi kotba.

L-ex deputat parlamentari Laburist John Dalli u t-tabib Adrian Vassallo ngħataw il-midalja tal-ordni nazzjonali tal-mertu bħala uffiċjali fl-ordni tal-mertu.

Il-baruni Emmanuele FM Emanuele di Villabianca ingħata t-titlu ta’ uffiċjal onorarju minħabba li qed jiffinanzja r-riċerka dwar il-kanċer u qed jaħdem biex Malta ssir ċentru fir-riċerka fuq il-kanċer. Onorat ukoll Michio Endo għall-impenn tiegħu biex iħajjar it-turiżmu mill-Ġappun lejn Malta.

Unur li spikka fl-investitura kienet il-midalja għall-qadi tar-Repubblika li ngħatat lill-kuntistabbli Simon Schembri, li sofra diżabbiltà f’inċident waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Midalja oħra għall-qadi tar-Repubblika ngħatat li Clayton Micallef, persuna b’diżabbiltà, li kien jagħmel parti mill-Forzi Armati ta’ Malta u spikka fil-ħidma biex joħloq għarfien dwar l-isfidi ta’ persuni b’diżabbiltà.

Ġie onorat wara mewtu Charles Miceli għall-hidma bla heda tiegħu favur l-emarġinati u l-batuti. Irċeviet l-unur f’isem żewġha, Pauline Miceli.

Waqt iċ-ċerimonja onorati wkoll tliet xandara nazzjonali, Albert Marshall, Josephine Mahoney u Ġorġ Peresso, li lkoll kellhom karriera twila fix-xandir fuq l-istazzjonijiet nazzjonali, minbarra l-impenn tagħhom fit-teatru. Onorat ukoll Ġanni Pace, skultur u artist.

Joan Abela ngħatat l-ordni nazzjonali tal-mertu minħabba x-xogħol attiv taghha bhala voluntiera u mexxiet il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-arkivju notarili.

Unuri simili ngħataw lil Michael Bianchi li fost oħrajn kien involut f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fosthom l-introduzzjoni tat-telefonija ċellulari u l-internet f’Malta.

Unur ukoll għal Paul Falzon Sant Manduca, negozjant ta’ suċċess li mexxa diversi kumpaniji matul il-karriera twila tiegħu. Ingħata wkoll ġieħ Monsinjur Joseph Farrugia li ħadem sabiex ippromwova l-kultura Għawdxija. Onorat ukoll Roderick Bovingdon, li jgħix l-Awstralja, magħruf l-aktar għall-promozzjoni tal-lingwa Maltija. Arthur Gruppetta ġie onorat għall-karriera twila tiegħu bħala għalliem tas-sekondarja u li ppubblika diversi kotba għat-tagħlim tal-Malti għat-tfal.

Onorati wkoll David Michael Schembri għas-sehem attiv tiegħu f’għadd ta’ għaqdiet volontarji, u Frank Lawrence Scicluna li darba fil-ġimgħa jippubblika gazzetta fl-Awstralja. Onorati wkoll Louis John Vella magħruf għall-promozzjoni tal-kultura Maltija f’Kalifornija, l-Istati Uniti. Bernd Schiffarth, Ġermaniż, ġie onorat għax ħadem għat-titjib tar-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini Maltin u Ġermaniżi.

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ din il-festa nazzjonali bdiet b’parata mill-forzi armati fil-Belt. Il-President sellmet ukoll il-Monument ta’ Malta Repubblika fil-Marsa.

Aħbarijiet Oħra
Droga

16-il persuna, fosthom żewġ nisa, fl-etajiet ta’ bejn l-20 u l-55 sena, temmew programm ta’ rijabilitazzjoni mill-użu tad-droga u ħadu sehem f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni li ċċelebrat is-suċċess tagħhom. Iċ-ċerimonja bit-tema…

Lokali

Il-Fondazzjoni Foodbank Lifeline tal-Knisja Metodista f’Malta qed tkompli tifrex il-ħidma tagħha bit-tqassim ta’ ikel lil familji fil-bżonn. Il-Fondazzjoni qalet li sal-aħħar tas-sena mistennija tgħin aktar minn 16,000 persuna bi spiża…

Kronaka

Ġuvni u tfajla weġġgħu gravi wara li tard lbieraħ kienu involuri f’inċident bil-karozza. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas f’Marsaskala għall-ħabta tal-11.00pm. Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija tad-Distrett…

Lokali

Mara sofriet ġrieħi gravi f’inċident bil-mutur f’Birkirkara lbieraħ. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ fi Triq Dun Karm għall-ħabta tal-5.00pm. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, fejn irriżulta li raġel ta’ 58 sena residenti…

Aktar