
Infrastructure Malta qalet li x-xahar id-dieħel se tiftaħ għall-vetturi tliet flyovers oħra, mill-erba’ li fadal fil-proġett tal-junction tal-Marsa. Biex jitlesta x-xogħol, fil-ġimgħat li ġejjin se jidħlu fis-seħħ devjazzjonijiet ġodda tat-traffiku, l-ewwel fosthom fi tmiem din il-ġimgħa.
Fi żjara lix-xogħlijiet, il-Ministru Ian Borg qal li f’dan l-istadju l-kuntratturi lestew aktar minn 70% tal-proġett li ser jiswa €70 miljun, il-parti l-kbira minnhom fondi tal-Unjoni Eweropea.
Fil-Marsa, l-ewwel tlieta minn seba’ flyovers bdew jintużaw mill-vetturi fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra. Ix-xogħlijiet fuq l-istrutturi tal-erba’ flyovers li fadal huma lesti biex isirilhom l-asfalt u l-aħħar stallazzjonijiet. Tlieta minnhom se jibdew jintużaw x-xahar id-dieħel.
Uffiċċjali ta’ Infrastructure Malta taw rendikont tal-andament tal-proġett lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, u lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, fi żajra fuq is-sit tal-proġett.
Il-kuntratturi tal-aġenzija bħalissa qed jiffukaw fuq l-erba’ rampi li għad fadal biex jgħaqqdu dawn il-flyovers mat-toroq li jiltaqgħu f’din il-junction li jinkludu Triq Aldo Moro, Vjal Santa Luċija u Triq Giuseppe Garibaldi.
Il-Ministru Ian Borg irrikonoxxa li kien hemm xi diffikultajiet minħabba l-Covid19, iżda qal li Infrastructure Malta qed taħdem biex iżżomm mal-mira stupilata li tlesti l-proġett sal-aħħar ta’ din is-sena.
“L-effett tal-Covid kien li ċertu esperti ta xogħlijiet li qatt ma saru f’pajjiżna ma setgħux isiefru biex ikomplu jaħdmu tali proġett u jagħtu l-pariri skont iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa pero rajna li sa dak iż-żmien kien hemm xi xogħolijiet oħra li setgħu isiru biex xorta waħda għadna fil-ħin u se jitlesta skont dak li ħabbarna,” qal il-Ministru Ian Borg.
Fix-xhur li ġejjin, se jitpoġġew 17,000 tunellata ta’ asfalt biex jinksew l-uċuħ ta’ aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jiżdiedu f’din il-ħolqa kruċjali fl-ivjaġġar minn u lejkn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
“Proġett importanti ħafna għax qiegħed iżid u jsaħħaħ l-infrastruttura ta’ pajjiżna u qed niffaċilitaw il-moviment li jnaqqas ukoll l-emmissjonijiet u qed nippreparaw lil pajjiż biex niffaċċjaw l-isfidi tal-futur,” qal is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopari.
Dr Zrinzo Azzopardi qal li jħares ‘il quddiem li fin-negozjati għall-budget Ewropew li jmiss, bis-saħħa ta’ fondi Ewropej isiru investimenti oħra bħal dan.









