Barranin
Ara: 57 arrestati fl-Italja dwar traffikar ta’ kokaina – kienet titqassam anki f’Malta

57 persuna ġew arrestati f’diversi reġjuni fl-Italja dwar traffikar tad-droga u ġew ikkonfiskati tagħmir u oġġetti b’valur ta’ €3.7 miljun.

Fl-aħħar jiem, il-Guardia di Finanza ta’ Catanzaro f’ħidma konġunta mal-Guardia di Finanza ta’ Ruma sfrattat xibka ta’ traffikar tad-droga li kellha rabtiet mal-‘Ndrangheta. Persuni, li kienu jikkoordinaw wasliet kbar ta’ kokaina bil-għajnuna ta’ intermedjarji fl-Amerika Latina mingħajr il-ħtieġa li jiċċaqalqu mill-Ewropa.

Il-persuni li ġew arrestati kienu jimpurtaw il-kokaina min-naħa ta’ fuq tal-kontinent Ewropew u minn Spanja. L-arresti saru f’Calabria, Sqallija, Piemonte, Puglia, Campania, Lombardia u Valle d’Aosta.

Skont rapporti fil-midja Taljana, id-droga kienet titwassal minn couriers li kellhom flotta ta’ karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni foloz. Bejniethom, kienu jikkomunikaw permezz ta’ kodiċi apposta. Dawk li kienu jaġixxu fil-komun ta’ Rosarno, f’Reggio Calabria, fost l-oħrajn, kienu jiftehmu b’għadd ta’ numri miktuba mingħajr spazji u nieqsa mill-punteġġjatura.

Il-kokaina li kienet tasal f’Rosarno, kienet tiġi mqassma fis-swieq ewlenin tad-droga fl-Italja kif ukoll f’Malta.