Pulizija
ARA: 77 rekluta jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija għandu 77 kuntistabbli ġdid, li ħafna minnhom ser ikunu qed jagħtu servizz fl-għases tad-distretti. Fl-istess ġurnata l-korp ħareġ sejħa għall-ingaġġ ta’ aktar kuntistabbli tal-Pulizija.

Sebgħa u sebgħin rekluta, 17 minnhom nisa ħadu l-ġurament biex iservu fil-Korp tal-Pulizija, wara 4 xhur ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati. F’ċerimonja fil-Forti Sant’Iermu, huma ħadu sehem f’parata akkumpanjati mill-banda tal-Korp fil-preżenza tal-qraba tagħhom.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, qal li bir-rekluti l-godda se tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità, b’tisħiħ fil-preżenza tal-Pulizija fil-komunità u f’fergħat speċjali bħal frodi u ħasil ta’ flus.

Fisser il-ħidma tal-pulizija bħala missjoni nobbli lejn is-soċjetà u ddeskriva lill-pulizija tad-distrett fejn se jibdew il-ħidma tagħhom il-maġġoranza tar-rekluti, bħala l-frontline tal-korp.

Is-Sur Cutajar appella lir-rekluti sabiex iħarsu u jaqdu d-doveri tagħhom lejn iċ-ċittadini, huma min huma, kif ukoll biex jibqgħu jistudjaw biex flimkien mal-esperjenza li se jiksbu mill-korp, isaħħu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia, qal li dan huwa l-ewwel grupp ta’ rekluti li ssieħeb wara l-ftehim kollettiv iffirmat f’nofs ix-xahar li għadda. Qal li għaddejja ħidma biex titjieb id-dehra tal-Pulizija, u se ssir hotline għal min isib għassa magħluqa.

Il-Ministru Farrugia qal li jeħtieġ li l-Korp jimxi maż-żmien inkluż fil-mod kif wieħed jagħmel rapport. Żied jgħid li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena l-kriminalità naqset bi 18 fil-mija meta mqabbel mal-istess xhur tal-2016. Dr Farrugia qal li qed issir ħidma biex jiżdiedu l-pulizija bl-uniformi fil-komunità.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Kull sena madwar 150 persuna f’Malta jinstab li għandhom kanċer fil-pulmun, li wħud minnhom x’aktarx li qabel ikunu bdew jinnutaw sintomi tal-kundizzjoni, magħrufa bħala COPD, li hi assoċjata mat-tipjip, it-tniġġis…

Ekonomija u Finanzi

Il-baġits għall-2019 ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra Ewropej kisbu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-Italja qed tissogra li taffaċċja azzjoni dixxiplinarja li tista’ twassal għall-multi, minħabba li qed tibqa’…

Politika

F’konferenza tal-aħbarijiet illejla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità, għax minn banda jgħid li ma jafx kontra min hemm inkjesta, u mill-banda l-oħra…

Aktar