Ara: 85 sena ilu beda jixxandar ir-Rediffusion f’Malta

Bħal-lum 85 sena ilu f’Malta bdew l-ewwel xandiriet tar-Rediffusion li kien l-ewwel forma ta’ xandir tar-radju f’Malta.

Il-bidu tax-xandir f’pajjiżna jmur lura għall-1933 mill-istazzjoni navali fir-Rinella. Aktar tard, wara ftehim bejn il-Gvern Malti u r-Rediffusion Group of Companies twaqqfet ir-Rediffusion Malta Ltd. Liema kumpanija, bdiet bl-ewwel xandiriet tagħha proprju fil-11 ta’ Novembru tal-1935.

Għall-ewwel, it-talin xandiriet kellhom l-intenzjoni li jwasslu l-propaganda tal-Gvern Ingliż fost il-poplu Malti kif ukoll li jirribattu xandiriet oħra li kienu qed jaslu mill-Italja b’messaġġi ta’ propaganda Faxxista. Xandiriet, li kienu jinkludu aħbarijiet, servizzi, mużika u għadd ta’ programmi ta’ divertiment. Hu stmat li aktar minn 50,000 utent kienu jirċievu dawn ix-xandiriet.

Liema servizz, kompla jespandi f’aktar minn 34 siegħa ta’ xandir fuq żewġ kanali fejn b’xandir aktar organizzat eventwalment bdew jixxandru wkoll xandiriet u aħbarijiet bil-Malti, u programmi edukattivi għall-iskejjel, fost l-oħrajn. F’dan l-istadju, il-popolarità tar-Rediffusion splodiet f’pajjiżna. Żmien, illi fih bdew jixxandru wkoll programmi għall-mara tad-dar, fosthom mill-mibkija Carmen Carbonaro li kienet fost l-ewwel vuċijiet femminili Maltin fuq ir-Rediffusion.

Fl-1955 ir-Rediffusion daħal ukoll f’Għawdex fejn infetaħ studio żgħir.

Il-binja minn fejn illum jixxandru l-istazzjonijiet nazzjonali, il-PBS Creativity Hub kienet id-dar ewlenija tar-Rediffusion wara li ġiet inawgurata uffiċjalment fit-23 ta’ Jannar tal-1958.