Barranin
Ara: Aktar minn 40 mejta wara li blokka ħadet in-nar fit-Tajwan

46 persuna tilfu ħajjithom u 79 ruħ indarbu wara li blokka nħakmet min-nirien fit-Tajwan.

In-nar beda jinfirex mal-lejl, għall-ħabta tat-tlieta ta’ dalgħodu f’Kaohsiung fin-naħa t’isfel tat-Tajwan.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li n-nar beda mill-ewwel sular tal-binja u rnexxielu jinfirex tul it-13-il sular tal-blokka.

L-awtoritajiet tat-Tajwan jistmaw li x’aktarx li l-vittmi huma ferm aktar peress li għad hemm xi persuni maqbuda bejn is-seba’ u l-11-il sular.

Il-blokka nbniet 40 sena ilu, u fiha kemm ħwienet kif ukoll appartamenti. Fiha ħwienet tal-ikel, barijiet, sala taċ-ċinema u 120 appartament. Il-biċċa l-kbira tar-residenti tal-blokka huma anzjani.

Fuq il-post issejħu madwar 160 membru tal-Protezzjoni Ċivili li damu jissieltu man-nirien għal aktar minn erba’ sigħat.

Għadu mhux magħruf x’wassal biex il-blokka ħadet in-nar.