Barranin
Ara: Anki l-Awstrija milquta mill-għargħar – persuni jsalvaw lil xulxin mill-ilmijiet

Wara l-Ġermanja, il-Belġju, l-Iżvizzera, il-Lussemburgu u l-Olanda, anki l-Awstrija ntlaqtet mill-qilla tal-għargħar li fl-aħħar jiem ħasdet għall-għarrieda l-Punent tal-Ewropa.

Fl-aħħar sigħat, diversi nħawi fl-Awstrija ntlaqtu minn temp estrem. Għargħar, li b’mod speċjali laqtu lill-belt ta’ Hallein f’Salzburg. B’bosta, ġew evakwati minn darhom.

F’ġabra ta’ filmati li ġew ippubblikati fuq l-internet għadd ta’ residenti f’Hallein ġibdu l-ħerba li ħalliet warajha x-xita qliel. Jispikkaw, żewġt irġiel li ħaduha kontra l-qilla tal-ilmijiet biex isalvaw lil mara li spiċċat maqbuda f’nofs ta’ triq.

S’issa, in-numru ta’ nies mejta il-Punent tal-Ewropa kawża tax-xita rekord li qed tagħmel qabeż il-150. Fl-Awstrija, s’issa, ma ġewx irrappurtati mwiet b’rabta mal-għargħar.

Fi kliem diversi esperti meterjoloġiċi x-xita rekord li xxukkjat il-Punent tal-Ewropa hija tort il-bidla fil-klima.