Kronaka
ARA: Arrestati għadd ta’ immigranti fil-Ħamrun – daħlu jistaħbew fid-djar tan-nies

Fil-Ħamrun, il-Pulizija arrestaw immigranti li bdew jaqbżu minn bejt għall-ieħor f’għadd ta’ residenzi.

Pulizija mit-taqsima tal-immigrazzjoni assistiti mid-Distretti tal-Belt u l-Ħamrun, u pulizija tar-rapid intervention unit, aġixxew fuq rapport li f’residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud kien hemm immigranti irregolari.

Il-pulizija ċċirkondaw il-blokka ta’ bini fit-toroq Villambrosa, il-Kanonku Bonnici, Monsinjur Depiro u l-Kappillan Mifsud, u kellhom jidħlu f’għadd ta’ djar u jitilgħu fuq il-bjut minħabba li residenti lmentaw li kien hemm immigranti jistaħbew fi djarhom.

Tliet immigranti dehru ħerġin arrestati minn blokka ta’ appartamenti. Persuna oħra ġiet arrestata wara li resident sejjaħ lill-Pulizija li kien ra raġel f’daru.

Raġel ieħor li ġie arrestat kellu jittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza wara li qabeż mill-għoli u spiċċa fi ġnien ta’ residenza waqt li kien qed jipprova jaħrab mill-Pulizija.

Il-persuni arrestati ittieħdu fil-lock up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-aktar stħarriġ. Il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ.