Barranin
Ara: Atleti f’Tokjo investigati għax xorbu fi gruppi – jistgħu jikkunsmaw l-alkoħol biss weħidhom

Għadd ta’ atleti qed jiġu investigati wara li ħadu sehem f’festini bl-alkoħol fil-villaġġ Olimpiku u kisru r-regoli tal-Covid-19.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Tokyo 2020, Toshiro Muto qal li l-organizzaturi tal-Olimpijadi huma konxji ta’ dan il-ksur. Qal, li fil-jiem li ġejjin se jittieħdu l-passi meħtieġa skont l-eżitu tal-investigazzjonijiet li qed isiru.

Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar l-identità tal-persuni involuti, Muto qal li f’dan l-istadju ma jistax jispeċifika kemm-il atleta kien involut f’dan il-każ, u lanqas ta’ liema nazzjonalità kienu.

Filwaqt li il-Kap Eżekuttiv ta’ Tokyo 2020 rrefera għal każ speċifiku li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija, fl-aħħar jiem fuq il-midja soċjali saret referenza għal aktar minn festin wieħed. Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-plejer tal-basketball Spanjola, Cristina Ouviña, fost l-oħrajn, spiċċat f’nofs kontroversja wara li ppubblikat filmat fuq il-profil ta’ Instagram tagħha ta’ festin fil-villaġġ Olimpiku. Immaġni, li ġabu fl-inkwiet lil għadd ta’ atleti Sloveni li jidhru qed jilagħbu l-karti b’għadd ta’ fliexken tal-alkoħol maġenbhom wara li għelbu lit-tim Arġentin.

Skont ir-regoli tal-Olimpijadi, l-atleti jistgħu jikkunsmaw l-alkoħol. Għalkemm, fl-isfond tal-pandemija, l-atleti jistgħu jagħmlu dan biss għal rashom, fil-kmamar rispettivi tagħhom.