Infrastruttura
ARA: Beda jieħu l-forma l-belvedere ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat

Ix-xogħol fuq il-proġett ta’ Triq Għeriexem fir-Rabat wasal nofs triq, bil-belveder matul it-triq issa beda jieħu l-forma. Waqt żjara fuq il-proġett, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li ħafna mix-xogħol fuq it-triq sa issa kien fil-pedament, bil-fażi li jmiss ikun ix-xogħol biex tieħu l-forma t-triq il-ġdida li ser tagħti mill-Imdina san-Nigret fir-Rabat.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-proġett fih ħafna sfidi ta’ struttura li juri kemm kien hemm bżonn dan il-proġett għar-residenti Rabtin u l-persuni li jiffrekwentaw l-inħawi.

“L-infrastruttura li qegħdin nagħmlu llum, anki permezz tal-piling u allura isegwu s-servizzi, ser ikunu qegħdin joffru infrastrutura sigura. Ħa jkun post ukoll sabiħ ħafna fejn in-nies ser ikunu jistgħu japrezzaw kemm il-wied kif ukoll il-veduti antiki li toffri l-belt antika tagħna. Apparti minn dan qed ninvestu biex nilqgħu għall-ilma tal-għargħar, mhux biss iż-żona ta’ Għeriexem imma anki n-naħa tan-Nigret u anki l-bypass tal-Imtarfa biex imbagħad l-ilma jsewgi l-korsija minn hawn ‘l isfel,” spjega l-Ministru Borg.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, qal li l-proġett, li ser isir b’investiment ta’ €4 miljun, wasal fil-proċess tal-bini fuq il-livell tat-triq, wara li ġiet ikkonsolidata t-triq li kienet qed iċċedi għal fuq il-wied. “Għaldaqstant issa bdejna l-fażi ta’ fuq u l-Belvedere, barra minn hekk mhux ser ikun qiegħed jikonsolida t-triq biss, imma ser ikun qiegħed jindirizza l-problema tal-għarar.”

Infrastructure Malta qalet li fl-aħħar xhur lestiet ħafna mill-pedamenti ġodda ta’ din it-triq twila 800 metru, ħlief għal tliet żoni fejn bidlet xi ftit partijiet mill-proġett wara li waqt l-iskavar arkeoloġiku bi tħejjija għall-istess xogħlijiet instabu fdalijiet li potenzjalment jista’ jkollhom importanza storika.

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Infrastructure Malta biddlu d-disinn tal-istruttura tal-pedamenti f’dawn it-tliet postijiet biex dawn is-sejbiet jibqgħu mikxufa u aċċessibbli għal aktar studji fil-futur.