Kultura
ARA: Beda r-restawr tal-Fortizza ta’ San Tumas biex sentejn oħra tinfetaħ bħala mużew

Il-Fortizza ta’ San Tumas, li għandha l-ikbar torri tad-difiża fil-gżejjer Maltin, qed tiġi restawrata b’inizjattiva tal-Fondazzjoni Wirt Artna.

Ma’ Televisoin Malta, iċ-Chairman tal-fondazzjoni, Mario Farrugia, qal li b’differenza minn diversi interventi ta’ restawr li saru fuq it-torri tul is-sekli, din id-darba, fi żmien sentejn, din il-fortizza terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha bħala mużew.

Il-Forte San Tomaso, li jinsab fit-tarf ta’ Marsaskala, inbena mill-Kavallieri ‘l fuq minn 400 sena ilu. Wara ħmistax-il sena ta’ ppjanar u applikazzjonijiet għall-fondi, il-Fondazzjoni Wirt Artna qiegħda tieħu ħsieb proġett ta’ restawr b’investiment ta’ madwar €3 miljun, li 80% minnhom huma fondi mill-Unjoni Ewropea, biex il-Forti tinbidel f’attrazzjoni turistika fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

It-torri, li għandu ħitan wiesgħa tliet metri, kellu diversi użi, ewlenin fosthom għad-difiża tal-kosta tal-madwar u aktar tard fi żmien l-Ingliżi serva wkoll bħala ħabs militari.

Iċ-Chairman tal-fondazzjoni, Mario Farrugia, qal li r-restawr tat-torri ser ikun wieħed komplut, biex ikun jista’ jservi wkoll bħala attrazzjoni u mużew li ser ikun interattiv dwar l-istorja tal-piratterija u l-kursara fil-Mediterran.

“Din id-darba ser isir restawr komplet, ġifieri mhux biss ser isir minn barra, ser isir minn ġewwa, ser isir minn kullimkien, ġaladarba jitlesta x-xogħol, li nbeda issa, it-torri ser jinbidel f’mużew li ser jinfetaħ regolari, u ser ikun iddedikat għall-istorja tal-piraterija, l-istorja tas-sibi u l-kursara; mill-eqdem żminijiet saż-żminijiet attwali, għax il-piraterija għada teżisti sal-lum.”

Is-sur Farrugia spjega kif it-torri nbena wara li l-Furbani kienu ħabtu għan-naħa t’isfel ta’ Malta. “Għax proprju fl-1613 hemmhekk kien sar inżul kbir tal-Furbani u għamlu devastazzjoni kbira, baqgħu deħlin sas-Siġġiewi, u ġarrew prattikament kull ma sabu fi triqthom, saret ħerba kbira.”

Il-Fortizza, li għandha batterija li kienet tħares għall-fuq il-bajja ta’ San Tumas , għandha wkoll pont, li huwa l-aħħar wieħed li fadal tat-tip tiegħu fil-gżejjer Maltin.

“Fil-fatt dan huwa l-aktar tip ta’ pont komuni ta’ żmien il-kavallieri. Hawnhekk ser ikollna rekostruzzjoni ta’ wieħed minnhom u fl-istess ħin ser inkunu qegħdin nużaw, dak li fadal min dak oriġinal. Dan huwa l-unika wieħed li fadal Malta, li naħseb li biex xieraq mhux biss nirrestawrawh imma nagħmluh jaħdem.”

Minħabba l-ilma tax-xita li jippentra s-saqaf tal-fortizza, il-pavimentar tal-bejt se jiżżarma u jerġa’ jitqiegħed, filwaqt li se jinbidel ġebel li tmermer.