Lokali
Ara: “Biha ma nistgħux nieħdu nifs” – tfal jipprotestaw fil-Belt kontra l-maskra fil-klassi

Għadd ta’ tfal mgħammra bi strixxuni nġabru fi Strada Merkanti l-Belt Valletta biex jipprotestaw għax ma jridux li jibqgħu jilbsu l-maskra fil-klassi.

Fost il-messaġġi li dehru fuq l-istrixxuni, uħud qalu li l-pandemija ma tpoġġix lit-tfal f’riskju. Oħrajn, qalu li jekk se jkollhom iqattgħu ġranet sħaħ l-iskola libsin il-maskra mhux se jkunu jistgħu jieħdu n-nifs sew.

Fl-aħħar jiem tħabbru l-protokolli aġġornati għas-sena skolastika l-ġdida. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa rrakkomandaw li l-istudenti u l-għalliema jridu jilbsu l-maskra l-ħin kollu, għajr waqt li jkunu qed jieklu jew jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku. Tħabbar, li jistgħu jibqgħu mingħajr maskra biss it-tfal tal-kindergarten waqt li jkunu fil-bubble tagħhom.

L-iskejjel tal-Istat jinsabu lesti biex minn nhar it-Tnejn jilqgħu lill-istaff u mill-Erbgħa lill-istudenti skont il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa. Skont l-awtoritajiet tal-edukazzjoni, 85% tal-istudenti li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq u 73% tal-istudenti bejn it-12 u l-15-il sena huma mlaqqma kontra l-Covid-19. Bħala prevenzjoni, iżda, se tinżamm distanza bejn l-istudenti kif ukoll bejn l-istudenti u l-għalliema kif imħabbar aktar kmieni dan ix-xahar.