Lokali
Ara: “Billi Għawdxi ma fiha xejn ħażin!” – DJ Għawdxi bil-mużika fl-Amerka b’appell lill-Għawdxin

Michael Joe Cini, magħruf bħala Micimago, DJ Għawdxi li kiseb popolarità sostanzjali f’pajjiżna u lil hinn. Il-mużika tiegħu, sa fl-Amerka ndaqqet.

F’kummenti ma’ ‘Popolin’, Micimago qal li kemm-il darba spiċċa niżel Malta għal impenn ta’ malajr. Madankollu, id-DJ spjega li għalkemm irid jirkeb il-vapur t’Għawdex ta’ spiss anki għal ċuċata, dan qatt ma qatagħlu qalbu. Baqa’ ffukat, u l-attitudni determinata li tikkaratterizzah qed tħalli l-frott.

Micimago appella liż-żgħażagħ Għawdxin biex jagħmlu bħalu u ma jħallu lil ħadd u lil xejn ixekkilhom milli jirnexxu f’dak kollu li jagħmlu.

Micimago beda jipproduċi l-mużika ta’ 14-il sena. Huwa stqarr ma’ ‘Popolin’ li beda jsir midħla mal-mużika wara li sema’ d-diska ‘Levels’ tad-DJ Żvediż ta’ fama mondjali Avicii. DJ, li miet f’April tal-2018 fl-Oman fl-età ta’ 28 sena.

Ix-xewqa ta’ Micimago hija li jkompli jilħaq kemm jista’ jkun nies bil-mużika tiegħu.