Stejjer Umani
ARA: “Bis-saħħa tal-familja u l-isport għelibt il-vizzju tad-droga”

Wara li kważi infena bid-droga għal 15-il sena, Mark Lewis għeleb il-vizzju u llum isib l-iżvog tiegħu fil-gym tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fejn jitħarreġ u iħarreġ lill-atleti. Jgħid li jibqa’ rikonoxxenti għal persuni li għennuh joħroġg mill-vizzju, fosthom martu u l-Caritas.

Mark Lewis, inħakem mil-vizzju tad-droga f’età żgħira. Però bis-saħħa tal-familja u l-isport irnexxielu jegħleb il-problema tal-abbuż mid-droga.

Mark qal “dan il-perjodu dam 15-il sena. Flus ma nixtieqx niftakar kemm infaqt, imma meta jibdew jonqsu, hemmhekk problema kbira oħra, għax il-ġisem ma jtikx li toqgħod mingħajrhom”.

Ħames snin wara li ma baqax jabbuża mid-droga, Mark rawwem fiduċja fih innifsu u llum jgħin lill-ħaddieħor isir iktar b’saħħtu bħala fitness instructor.

Mark jistqarr li d-droga ddaħħlek fi sqaq mudlam. Jgħid li ħafna drabi, il-persuni li jaqbdu t-triq tad-droga jkollhom karattru dgħajjef li ma’ kull problema li tinqala jaħsbu li ser isibu l-kuntentizza fid-droga. Qal li d-droga tagħtik siegħa jew sagħtejn pjaċir iżda mbagħad il-konsegwenzi tbatihom wara.

“Kont qed insibha sabiħa l-ħaġa. Ngħid xi pjaċir u nkun looking forward imma l-vizzju mbagħad jieħu over. Tagħmilhom illum, tagħmilhom għada u lanqas tkun taf kif dħalt fiha u anqas kif minn ġranet, ġew xhur u snin. Hemm tibda l-problema” qal Mark.

Wara li ġarrab il-problema, Mark jiftaħ għajnejn liż-żgħażagħ biex ma jmissux mad-droga.

Mark qal “aħjar ma tipprova xejn għax kif tidħol fiha lanqas tkun taf li qed fil-vizzju u ma tkunx trid tammetti li ssir addict għalihom. Se jwarrbuk min-nies li jħobbuk. Se jbiddlulek l-karattru tiegħek.”

Mark jgħid bla tlaqliq li martu refgħetu minn xagħru u għenitu jegħleb il-vizzju u jibda ħajja ġdida.

“L-iktar persuna li għenitni l-mara . Qatt ma nista nirringrazzjaha biżżejjed. Thank god hija kienet il-pilastru tal-familja” qal Mark.

Sab spalla wkoll mill-Caritas.

Mark qal “dawn in-nies nagħmilhom magħhom kull ġimgħa. Naf x’qalb kbira għandhom. Naf kemm iħobbu u jgħinu u min se jmur jitlob l-għajnuna tagħhom se jsibuhom b’idejhom miftuħin.”

B’sens ta’ rikonixximent għal dak li għamlu miegħu u m’oħrajn bħalu, Mark għada fis-7am se jorganizza attività sportiva fejn l-Istadium Nazzjonali biex biha jinġabru fondi għall-Caritas.