Kisbiet
ARA: B’qalb kbira Nick jagħmel dak li jħobb u ma jħalli xejn iwaqqfu

L-arti marzjali mis-siġġu tar-roti hu kunċett pjuttost ġdid għal Malta, iżda dan ma żammx lil Nick Mercieca biex jibda jitħarreġ il-karate meta kellu biss ħames snin. Nick, li għandu tnax-il sena, hu l-uniku atleta Malti li kkompeta barra minn xtutna fil-para-karate.

Sensei Joe Tanti, li jmexxi l-La Salle Karate Club fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Karate, jiftakar kif Nick kien imur jara lil ħuh il-kbir fil-lezzjonijiet, u hemm nibtet il-passjoni lejn il-karate.

Jgħid li għall-ewwel Nick beda jiddejjaq minħabba li r-roti jidħlu fuq it-tapit, sakemm seba’ snin ilu sabu benefattur li għenhom jixtru siġġu tar-roti li jintuża fil-gym biss.

“Dejjem jimpressjonana b’xi ħaġa, imur id-dar, jittrenja, jiġi hawn, jurina xi ħaġa ġdida, jagħmel affarijiet li ma tantx tara nies jagħmluhom,” jgħid Sensei Tanti.

B’saħħa impressjonanti, speċjalment f’dirgħajh, Nick jagħmel eżerċizzji li huma diffiċli anki għal atleti adulti. Tal-istess fehma, huwa Sensei Joseph Mizzi, li jqatta’ ħafna ħin iħarreġ lil Nick.

“Nick hu tifel qalbu tad-deheb. Nick jaħdem, jirsisti. L-ewwel darba li daħal fuq it-tatami ngħidlek il-verità bqajna impressjonati, għax beda jagħmel affarijiet li tfal oħra jdumu biex jaqbduhom xahar, xahrejn. Nick qabad il-‘flow’ mill-ewwel,” jispjega l-kowċ Mizzi.

Ftit tax-xhur ilu Nick kien l-ewwel atleta Malti li ħa sehem fil-kampjonati tal-para-karate fil-Belġju, fejn kiseb riżultat tajjeb.

Iżda lil hinn mit-taħriġ fiżiku u t-teknika, għal Nick il-karate huwa wkoll mezz kif jieħu gost u jitħallat ma’ tfal oħra. “Hawnhekk għamilt ħafna ħbieb, għax meta niġi għal-lezzjoni jkun hawn it-tfal u sirt ħabib magħhom,” jgħid Nick.

Nick iħoss li l-karate sar parti minn ħajtu u jixtieq li ‘l quddiem jibda jgħallem din l-arti marzjali lil tfal oħra. Nick diġà jgħallem bl-eżempju. Lil tfal li bħalu li jużaw siġġu tar-roti, jixtieq iwasslilhom messaġġ: “Biex ma jaqtgħux qalbhom u jagħmlu dak li jħobbu.”

Ara wkoll:

ARA: Jinżel mis-siġġu tar-roti u jgħaġġeb lil kulħadd