Ambjent
ARA: Ciccio Kayak f’Malta biex jagħti daqqa t’id fit-tindif ta’ Manoel Island

F’ħamest ijiem inġabru mal-15-il tunnellata skart, fosthom ħafna tyres, f’attività marbuta mal-World Clean Up Day.

Fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, fl-attività ħa sehem l-ambjentalist Taljan Francesco Tocco, magħruf għall-ħidma volontarja tiegħu mal-World Wildlife Fund.

Tocco, magħruf aħjar bħala Ciccio Kayak, huwa voluntier ambjentali attiv ħafna minn Terrasini fuq il-kosta ta’ Sqallija u membru tal-World Wildlife Fund. Il-passjoni tiegħu ta’ aktar minn għoxrin sena għall-kayak ittrasformat ruħha f’ missjoni ta’ tindif tal-kosti.

“Skoprejt il-kayak b’kumbinazzjoni ta’ 13-il sena, imbagħad meta bdejt noħroġ mal-kosta Sqallina irrealizzajt li kien hemm ħafna skart, u bdejt niġbor l-iskar u ntellgħu l-art, u minn hemm indunajt li din kienet missjoni,” qal Tocco bit-Taljan.

Iddeskriva bħala weġgħa ta’ qalb il-fatt li tant nies għadhom jarmu barra, problema li qal li ssibha kullimkien, mhux Malta biss. Semma wkoll li r-rieda li jaħdem favur ambjent nadif kompliet tisaħħaħ mal-mewt t’oħtu Seffy, li semma wkoll il-kayak għaliha.

“Seffy f’qalbi, hija oħti li sfortunatament tlift minħabba tumur sentejn u nofs ilu, u t-tumur kien ikkawżat mit-tniġġis, u allura dan jimbuttani iktar biex nissielet kontra t-tniġġis, u nġorr dejjem lil oħti miegħi.”

Sieħba denja fuq kull biċċa xogħol biex inaddaf l-ambjent fi Sqallija, hija l-kelba Astra, li għal Francesco hija ta’ għajnuna kbira. Jghid li kif annimal jidra li ambjent nadif huwa importanti għal saħħitna, anke l-bniedem għandu jagħraf dan il-kunċett. Malta tibqa’ f’qalbu u lura Sqallija se jieħu t-tifkiriet tal-bini storiku.

“Bqajt immeraviljat b’Malta, id-daħla tal-port ta’ Malta, Malta ġiegħlitni noħlom, stħajjiltni xi personaġġ ta’ Troy, ta’ Gladiator… Malta sabiħa ħafna,” stqarr Tocco.

Wara kuntatt ma Francesco Tocco, is-Sindku tal-Kunsill Lokali, Conrad Borg Manche, inkludih fil-ġurnata meqjusa bħala World Clean Up Day f’Manoel Island.

“Fl-aħħar erbgħin sena ħammiġna d-dinja… f’erbghin sena biss . Kull persuna trid tagħmel l-isforz tagħha… dan jekk tarmi biċċa plastik fit-triq din eventwalment se tispiċċa l-baħar, nemmen li kull persuna għandha tagħti dik il-ftit sforz tagħha biex fl-aħħar mill-aħħar irridu nirriversjaw dil-ħsara li għamilna,” qal is-Sindku Borg Manche.

It-tindifa li kienet organizzata mill-NGO Żibel taħt il-kampanja Saving our Blue b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Ambjent, l-ERA u Ambjent Malta saret fuq ħamest ijiem u involviet 40 ruħ, fejn b’kollox inġabru mill-anqas 9.2 tunellata skart.