Immigrazzjoni
ARA: Ċimiterju tad-dgħajjes tal-immigranti jieħu n-nar f’Lampedusa

L-awtoritajiet Taljani qegħdin jinvestigaw żewġ nirien kbar li ħakmu l-post li fih jinżammu dgħajjes antiki li jkunu wasslu bihom immigranti fuq il-gżira ta’ Lampedusa.

Pumpiera Taljani kellhom biċċa xogħol iebsa sabiex jikkontrollaw u jitfu n-nar qawwi li ħakem l-hekk imlaqqam ‘ċimiterju tad-dgħajjes’. Iż-żona hija magħrufa hekk biex tfakkar il-memorja ta’ dawk l-immigranti li mietu waqt li kienu qed jivjaġġaw lejn l-Ewropa.

Kull sena, eluf ta’ immigranti mill-Afrika u mil-Lvant Nofsani jissugraw ħajjithom fi vjaġġ fuq il-baħar bit-tama li jaslu fuq il-gżira ta’ Lampedusa li tinsab bejn wieħed u ieħor nofs triq bejn Sqallija u t-Tuneżija.