Lokali
Ara: Dalwaqt mużew ġdid f’Birkirkara – vetrina tal-patrimonju tal-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena

L-ewwel kolleġġjata f’Malta qed tħabrek biex taqsam il-patrimonju għani li għandha mal-pubbliku b’mużew li jiftaħ tieqa fuq l-istorja kulturali u reliġjuża ta’ Birkirkara.

Dan l-aħħar, l-Awtorità tat-Turiżmu tat donazzjoni sostanzjali biex il-mużew tal-Kolleġjata Bażilika ta’ Sant’Elena jitlesta, proġett li għalih qed jagħtu ħafna ħin għadd ġmielu ta’ voluntiera.

Il-wirt kulturali reliġjuż tal-Kolleġjata Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara qed jinġabar taħt saqaf wieħed f’mużew, li l-kunċett tiegħu nibet daqs ħmistax-il sena ilu.

Il-President tal-Għaqda tal-Ħbieb tat-Tempju Elenjan, Manuel Sammut, spjega li dan il-mużew li se jkun mal-binja tal-knisja se jiffoka fuq erba’ temi għal qalb il-Karkariżi.

“Il-kolleġjata, l-istatwa ta’ Sant’ Elena, it-tempju (il-binja tal-knisja) u l-qanpiena l-kbira, li hija xi ħaġa li l-Karkariżi ferħanin bihom u aktar u aktar allura jirrappreżentaw u huma marbutin mar-raħal tagħna.”

L-esperjenza tal-viżitatur mistennija tibda mill-knisja fejn b’audio guides jingħata spjegazzjoni ta’ li jkun qed jara. Imbagħad tkompli fil-mużew fejn se jkun hemm esebiti s-sena kollha affarijiet bħall-ilbies liturġiku u l-fidda ta’ fuq l-artal li jintużaw biss f’okkażjonijiet speċjali.

“Il-mużew se jippermetti li affarijiet li s-soltu jkunu armati fil-knisja ‘l bogħod mill-għajn, għax hemm ċerta kobor, tista’ tarahom mill-viċin. Insemmi pereżempju t-tużell li s-soltu jkun imdendel fuq l-artal tant fil-għoli li ħadd ma jarah ħlief min jarmah.”

Il-mużew se jiftaħ ukoll tieqa fuq l-istorja tal-knisja billi se jkun hemm affarijiet li maż-żmien ma baqgħux jintużaw jew inbidlu – bħall-istatwi li sas-sena 2000 kienu fil-faċċata tal-knisja. Se jiġu esebiti wkoll dokumenti li jinsabu fl-arkivju tal-parroċċa bħall-bolla oriġinali tal-1630 li biha l-Papa Urbanu Tmienja waqqaf hawnhekk l-ewwel kolleġjata f’Malta. Il-Prepostu Arċipriet, Monsinjur Paul Carmel Vella, rrimarka li l-mużew qed isir f’kuntest ta’ parroċċa li hi fost l-eqdem f’Malta.

“Jien inħobb nsejjaħlu l-kumpless bażilikali għax għandek il-bażilika, imbagħad magħha għandek l-awla kapitulari, għandek l-arkivju li jmur lura sas-seklu ħmistax umbagħad għandek il-mużew.”

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ffirmat ftehim mal-Ħbieb tat-Tempju Elenjan biex tkompli tinvesti f’dan il-mużew, li ħafna mix-xogħol fuqu qed isir mill-voluntiera. Bil-ftehim, l-awtorità se tgħin bi €30,000 li fi kliem Monsinjur Vella se jgħinu ħafna biex il-mużew jitlesta. Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li dan il-ftehim jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li Malta tattira turiżmu reliġjuż li jsib postijiet ta’ interess miftuħa għall-viżitaturi f’diversi bliet u rħula.