Kurżitajiet
Ara dan iż-żiemel imqarqaċ fis-Siġġiewi kif iġib ruħu ma’ tarbija tat-twelid

Socks huwa żiemel fuq ruħu li qed jitrabba mill-għaqda RMJ Horse Rescue fis-Siġġiewi. Din l-għaqda tiġbor żwiemel li jkunu maħqura jew ma jkunux jistgħu jinżammu iktar mis-sidien tagħhom, u ssibilhom dar oħra.

Filmat li l-għaqda tellgħet fuq il-midja soċjali seraq ħafna qlub, għaliex juri lil Socks b’imġiba ħafna iktar kalma mis-soltu.

Meta laqqgħuh ma’ Mila, li hija tarbija tat-twelid, Socks jidher idaħħal wiċċu fil-pram ħdejha bl-ikbar ġentilezza, bħallikieku biex iżiegħel biha.

“Dawk li jafu lil Socks jafu kemm kapaċi jkun fuq ruħu u mqarqaċ,” qalet l-għaqda. “Arawh ma’ Mila u ppruvaw għidulna li ma jafx kemm irid joqgħod attent magħha.”

L-RMJ Horse Rescue stqarret li ż-żwiemel jafu ħafna iktar milli naħsbu. Kull min jixtieq iktar tagħrif dwar il-ħidma tal-għaqda jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook.