Lokali
Ara: “Daruna b’ħafna arja” – tifel ta’ 6 snin bl-awtiżmu bbulijat minn żgħażagħ f’bandli

Tifel ta’ sitt snin li għandu l-awtiżmu allegatament ġie bbulijat minn għadd ta’ żgħażagħ waqt li kien qiegħed jilgħab f’bandli m’ommu fix-Xgħajra.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa li għadda bl-omm tirrakkonta ma’ tvm.com.mt kif il-bullying tant ippersista li kellha tħalli l-post flimkien ma’ binha.

Omm it-tifel, li isimha mhux jixxandar biex titħares l-identità ta’ binha, stqarret li t-tifel safa fil-mira ta’ ċorma żgħażagħ li kellhom madwar 16-il sena li bdew jgħajruh u jkellmuh baxx għal xejn b’xejn. Qalet li binha ftit li xejn jitħaddet bil-Malti peress li huwa awtistiku. Hija żiedet tirrakkonta, li binha kompla jiġi bbulijat peress li huwa ta’ karnaġġjon skur.

Omm iċ-ċkejken qalet li binha ġie mgħajjar li għandu l-Covid-19, u bdew jgħidulu biex jitlaq minn xtutna u jmur lura pajjiżu, meta Malta hija art twelidu. Żiedet, li heddewha li jekk ma kinitx se titlaq mill-bandli minnufih, kienu se jweġġgħulha lil binha. Huwa jidher viżibbilment iddispjeċut f’filmat li ġibdet ommu wara li telqu mill-bandli.

Il-mamà tat-tifel li safa attakkat bil-fomm qalet li tinsab maħsuda b’dak li għadda minnu binha għax qalet li stenniet li ż-żgħażagħ se jġibu ruħhom ta’ maturi.

Hija appellat għal aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni bil-għan li tfal oħra ma jgħaddux minn esperjenzi koroh bħal dawn.