Politika
AĠĠORNAT (3): Dimostranti jidħlu jipprotestaw f’Kastilja

L-attivisti tal-grupp Graffiti, flimkien ma’ xi individwi, imblukkaw għal madwar ħames sigħat wieħed mil-kuriduri tal-Berġa ta’ Kastilja, f’azzjoni ta’ protesta li bdiet kmieni filgħodu, qabel il-ħaddiema daħlu għax-xogħol. Huma komplew isejħu għar-riżenja minnufih tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li dak il-ħin ma kienx fil-binja.

Għall-ħabta tas-7.30 ta’ filgħodu, l-attivisti daħlu f’Kastilja mill-bieb tal-ġenb li jinsab fi Triq San Pawl, minn fejn jidħlu l-ħaddiema tal-uffiċċju tal-Prim Minsitru. L-attivisti daħlu bħal leħħa ta’ berqa u ssorprendew lis-suldati li jkunu għassa mal-bieb. Huma nxteħtu fl-art fil-kuridur, isejħu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Huma sostnew li l-problema mhux biss il-Prim Minisru, iżda wkoll dak li sejħu s-sitwazzjoni imwiegħra tal-istituzzjonijiet.

Fi stqarrija spjegaw li l-pajjiż mess il-qiegħ, mhux biss bil-koruzzjoni, iżda wkoll bi qtil politiku. Qalu li mhux kulħadd qed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni. Żiedu jgħidu li huwa minn ewl id-dinja li kull minuta li Dr Muscat jibqa’ f’Kastilja, ikomplu jikbru s-suspetti li qed tinħema xi konfoffa biex il-verità ma toħroġx.

Il-Pulizija u rinforzi żgħir ta’ suldati kkontrollaw is-sitwazzjoni. Il-Pulizija ordnat ukoll lill-ġurnalista joħroġ ’il barra waqt li għalqu l-bieb. Xi dimostranti oħra li kienu fuq barra riedu li l-bieb jinfetaħ, fosthom membri tal-familja Caruana Galizia, li dehru jistaqsu min ta l-ordni biex il-bieb jingħalaq. Il-Pulizija wieġbet li hija ma għandha ebda ġurisdizzjoni fuq il-bini ta’ Kastilja u spjegaw li s-sigurtà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru hija fir-responsabbiltà tal-Forzi Armati.

Għall-ħabta tal-10.45am id-demostranti nxteħtu fl-art u mblukkaw it-traffiku fi Triq San Pawl, waqt li l-Pulizija għalqu t-triq biex it-traffiku ma jitlax lejn Kastilja mill-Floriana.

Tul il-protesta l-attivisti ma waqfux isejħu biex jittieħdu deċiżjonijiet biex il-pajjiż jitnaddaf u jitreġġa’ lura għan-normalità. Għall-ħabta tal-12.15pm d-demostranti tħallew joħorġu minn Kastilja mill-bieb fi Triq il-Merkanti biex imxew lejn Triq San Pawl biex ingħaqdu mad-demostranti l-oħra jsejħu għall-ġustizzja.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes nieda l-viżjoni tal-ewwel Sistema Nazzjonali tal-Housing f’Malta. Aktar minn 50 stakeholder nġabru madwar il-mejda għat-tfassil tal-ewwel sistema ta’ housing f’Malta. Il-Ministru Galdes qal li d-deċiżjoni…

Temp

L-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta qed iwissi b’riħ qawwi. Ir-riħ mill-Majjistral ser ikun qawwi kultant fuq l-inħawi fejn jaqbel tal-Gżejjer Maltin. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sat-3 ta’ għada filgħodu

Aktar