Barranin
ARA: Donald Trump formalment akkużat li instiga l-irvellijiet fil-US Capitol

Il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti qed takkuża formalment lill-eks President Donald Trump li instiga l-irvellijiet fil-US li ħallew ħamsa mejta.

It-Tnejn, disa’ rappreżentanti li se jkunu prosekuturi fil-ġuri, wasslu quddiem is-Senat akkużi li Trump instiga l-irvell waqt diskors li għamel lis-sostenituri tiegħu.

Il-ġuri se jibda fid-9 ta’ Frar, u huwa t-tieni ‘impeachment’ ta’ Trump. Mitt senatur se jaqdu l-funzjoni ta’ ġudikanti fil-ġuri li jista’ jwassal biex Trump ikun skwalifikat milli jerġa’ jkun kandidat f’elezzjoni Presidenzjali.

L-akkużi li tressqu quddiem is-Senat isegwu l-vot li ttieħed fil-Kamra tar-Rappreżentanti fit-13 ta’ Jannar, fejn 10 deputati Repubblikani ngħaqdu mal-grupp tad-Demokratiċi f’appoġġ għall-‘impeachment’ ta’ Trump.