Politika
ARA: Dr Delia jgħid li mhu se jħalli lil ħadd jagħmel iktar ħsara lill-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, iddikjara li mhux ser jippermetti li xi ħadd jagħmel aktar ħsara lill-Partit Nazzjonalista.

Intervistat f’DISSETT ilbieraħ filgħaxija fuq Television Malta, Dr Delia wera l-fehma li l-Partit Nazzjonalista jkun qed jiġi redikolat jekk jerġa’ jitlob vot ta’ fiduċja mill-Kunsill Ġenerali jew vot mit-tesserati biex jaċċerta li għadu jgawdi l-fiduċja tagħhom. Fil-programm hu wieġeb għal sensiela ta’ domandi fosthom ikunx lest jibqa’ kap tal-partit jekk il-grupp parlamentari jiddikjara li m’għandux fiduċja fih.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li deċiżjoni jibqax Kap tal-Oppożizzjoni jew le mhix tiegħu, iżda l-Kostituzzjoni tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid igawdi l-maġġoranza tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni. Mill-banda l-oħra qal li huma t-tesserati li jagħżlu l-Kap ta’ Partit.

“Illum it-tesserati għażlu l-Kap tagħhom, il-membri parlamentari ma sfiduċjawx il-Kap tal-Oppożizzjoni.” Mistoqsi jekk jisfiduċjawh jibqax kap tal-partit, huwa wieġeb li ma nispekulax, “pero waħda ma teskludix lil oħra, u jiena naħseb li l-membri kollha tagħna tal-Parlament huma biżżejjed għaqlin, biżżejjed jirrispettaw dak li dejjem ġara fil-partit tagħna u fil-Parlament tagħna, u ma naħsibx li hemm wieħed biss minnhom li jaħseb li għandna jkollna Kap tal-Oppożizzjoni li ma jkunx il-Kap tal-Partit l-istess.”

Mistoqsi jekk allura jirrikonoxxix din is-sitwazzjoni, huwa sostna li din is-sitwazzjoni ma teżistix.

Dr Delia nsista li l-Partit Nazzjonalista jrid jgħaddi minn perjodu ta’ riforma u tiġdid biex jifhem fejn irid imur. Qal li hu stess talab għal dibattitu intern u huwa tal-fehma li dawn id-dibattiti għandhom jibqgħu interni biex kulħadd iħossu komdu jiddiskuti. Sostna li l-bieb huwa miftuħ għal kulħadd għax il-Partit Nazzjonalista hu koalizzjoni ta’ ideat, waqt li wissa kontra dawk li jagħmlu bsaten fir-roti.

“Żgur mhux se nippermetti li xi ħadd minn barra, mill-ġenb, minn ġewwa, jagħmel aktar ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Id-dettall huwa dak li niddeċiedu, id-direzzjoni hija dak li qed niddikjaraw.”

Mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet b’rabta mal-attività f’Soho u ħasil ta’ flus mill-prostituzzjoni, Dr Delia qal li ngħad li hemm investigazzjoni iżda sallum hu għadu ma jaf b’xejn għax ma kellmu ħadd. Allega li l-fatt li jingħad li hemm investigazzjoni u ma jipproċedi ħadd hu attentat ċar biex jagħlaq ħalq l-Oppożizzjoni.

“Il-Gvern, l-istituzzjonijiet iridu jiddeċiedu. Ma jibqgħux jużaw għodda għax dik hi theddida għad-demokrazija, dak huwa frame-up. Jekk inti hemm xi ħaġa kontra tiegħek imexxu, jekk inti hemm xi tip ta’ suspett imqar investigazzjoni, imqar jgħajtuli, imqar inkun naf fuq xiex, imqar jgħiduli isma aħna fuq hekk x’tgħidilna, x’inhi l-pożizzjoni tiegħek?

Mistoqsi jekk allura jiddubitax mix-xogħol li jagħmlu l-FIAU, Dr Delia wieġeb hekk: “Jien mhux niddubita, jien b’ċertezza naf li ma jista’ jkollhom xejn kontra Adrian Delia, għax Adrian Delia qatt ma kkommetta illegalità.”

Dr Delia ċaħad li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ €34 miljun, għalkemm ma żvelax l-ammont ta’ dejn li għandu. Staqsa jekk din hix parti minn kampanja biex tattakka lill-Partit Nazzjonalista.

“Hallas dak kollu li kellu jħallas partikolarment mal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji u naċċerta lil kull min għandu partikolarment għax issemmew iċ-ċedoli biex jippruvaw ibeżżgħu lin-nies, biex jippruvaw jidħku bin-nies, kull sold li ngħata lill-partit nazzjonalista taħt l-iskema ħa jitħallas fis-sħiħ u f’waqtu.”

Tenna li l-akbar riforma li trid issir hi li tinbidel l-attitudni tal-politiċi, bl-ewwel ħaġa tkun li l-Partit Nazzjonalista jifhem li fil-mument m’għandux legat li jiggverna. Qal li b’din l-aċċettazzjoni mbagħad jaspira li jkun fil-gvern.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-pandemija tal-Coronavirus biddlet il-ħajja tan-nies f’leħħa ta’ berqa. Din il-bidla iżda kienet iktar diffiċli għall-persuni bl-awtiżmu li jsibuha iktar iebsa biex jibdlu r-rutina tagħhom f’daqqa. Fil-Jum Dinji tal-Awtiżmu, omm ta’…

Saħħa

L-imxija tal-Covid-19 ħalliet ukoll il-marka tagħha fuq id-dentistrija. Id-dentisti qed jaraw biss l-pazjenti għal emerġenzi, bi kważi tliet kwarti tal-proċeduri li s-soltu jagħmlu kellhom jiġu posposti. TVM iltaqa’ ma’ żewġ…

Lokali

Ilbieraħ filgħaxija kull min inzerta fl-inħawi tal-bypass ta’ Birkirkara, San Ġwann u l-Għargħur lemaħ mixgħela fis-smewwiet bħala apprezzament għall-ħidma tal-ħaddiema kollha tas-saħħa li huma fuq quddiemnett fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Fl-inizjattiva…

Trasport

Proġetti identiċi fix-xtut ta’ Bormla u ta’ Tas-Sliema. Infrastracture Malta qed tibni żewġ faċilitajiet li se joffru servizz aħjar u aktar effiċjenti għat-trasport bil-baħar minn u lejn il-Belt. Fix-xatt ta’…

Aktar