Ambjent
ARA: €2m għal proġetti ta’ tħaddir f’disa’ lokalitajiet

Fil-pjazza tax-Xagħra Għawdex, se jerġa’ jkun hemm l-arbuxelli, pjanti u ward. Is-Sindku, Christian Zammit, qal li dan se jsir bħala parti minn proġett ambjentali ta’ tħaddir iffinanzjat mill-Ministeru għall-Ambjent li alloka maż-€2 miljun għal inizjattivi li ħarġu bihom il-Kunsilli biex żoni urbani b’nuqqas kbir ta’ ħdura jingħataw dehra isbaħ.

B’investiment ta’ €195,500, f’Ħal Qormi se jinbena ġnien pubbliku bħala parti mill-iskema ta’ tħaddir urban f’disa’ lokalitajiet oħra li jinkludu r-Rabat, Santa Venera, il-Belt, il-Qrendi, l-Isla, Marsaxlokk, San Lawrenz u ix-Xagħra.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li b’investiment totali ta’ €2 miljun, l-iskop ta’ tħaddir fiż-żoni urbani m’huwiex biss ta’ tisbiħ estetiku u ambjentali iżda jikkontribwixxi b’mod pożittiv lejn is-saħħa mentali u fiżika.

“Hawnhekk se naraw tħawwil ta’ siġar, arbuxelli u proġetti li jkomplu jħaddru ż-żoni urbani u allura l-postijiet fejn il-familji Maltin jgħixu u jixtiequ jkollhom iż-żoni rikreazzjonali tagħhom ukoll,” qal il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Fost l-oħrajn, fil-Belt Valletta se jissebbħu diversi toroq, turġien u sqaqin, f’San Lawrenz u x-Xagħra se jsiru proġetti ta’ tħaddir fil-pjazzez ewlenin waqt li fir-Rabat Malta se jitħawlu siġar taċ-ċitru f’Misraħ San Katald u siġar indiġeni fi Triq Santa Rita.

“Waħda mill-affarijiet li se nagħmlu hi vertical garden f’ħajt li se ngħattuh bil-pjanti u għalhekk se ntuh aktar kulur aktar milli tidher biss il-ġebla,” qal is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus.

“Minn Ottubru li ġej nibdew naraw dawn il-planters fit-toroq u b’hekk mhux biss insebbħu l-ambjent imma anke nsaħħu s-saħħa tagħna,” qal is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit.

“Permezz tiegħu se nkomplu nsebbħu l-pjazza tagħna, il-belvedere u anke l-playing field li għandna fil-lokalità,” qal is-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa.

“Permezz tiegħu se nkunu qed nagħmlu diversi planters u arbuxelli fil-pjazza tax-Xagħra biex nerġgħu nħaddru din il-pjazza tant importanti għalina x-Xagħrin u għalina l-Għawdxin,” qal is-Sindku tax-Xagħra Christian Zammit.

Fl-ewwel fażi tal-iskema kienu ntgħażlu seba’ proġetti f’seba’ lokalitajiet oħra fosthom fil-Gudja, Tas-Sliema, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun u l-Qala. Bħala medja kull kunsill jirċievi finanzjament ta’ madwar €30,000.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi illum qed jiċċelebra l-24 anniversarju tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, Fr Martin filwaqt li radd ħajt lil Alla għal dak kollu…

Politika

Il-gvern fi stqarrija qal li jieħu nota ta’ dak li qalet l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-President ta’ Malta u tal-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qed ineħħi…

Kurżitajiet

L-arti hija kullimkien anke fis-sengħa tal-barbiera. Mhux biss jaqtgħu x-xagħar, iżda jirnexxielhom bi preċiżjoni u paċenzja kbira jnaqqxu personaġġi famużi fuq il-qurriegħa tal-klijenti tagħhom. Niskopru l-ħila ta’ barbier Marokkin, li…

Aktar