Barranin
ARA: Eluf ta’ immigranti miġbura taħt pont f’Texas mistennija jintbagħtu lura

Il-Gvern Amerikan beda jiddetermina l-istat ta’ eluf ta’ immigranti li nġabru taħt pont f’Texas, li jinsab mal-fruntiera tal-Messiku.

Huwa stmat li taħt dan il-pont kienu qed jgħixu mal-10,000 immigrant, li fl-aħħar ġimgħa żdiedu sostanzjalment, l-iktar b’immigranti mill-Haiti.

Mal-2,000 immigrant ittieħdu f’ċentri ta’ immigrazzjoni fejn qed jiġu proċessati. Il-Gvern qal li se jkun qed jibgħat lill-immigranti lura lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.

Għadd ta’ membri tal-kabinett appellaw lill-amministrazzjoni ta’ Biden biex jissospendi r-ripatrijazzjonijiet lejn il-Haiti, minħabba li dan il-pajjiż għadu mhux f’pożizzjoni li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu.

Il-President tal-Haiti, Jovenel Moise, inqatel f’Lulju li għadda, u f’Awwissu l-pajjiż intlaqat minn terremot qawwi li ħalla iktar minn 2,000 persuna mejta.

Madanakollu, l-uffiċċju tal-President Biden ilbieraħ ħabbar li se jkompli għaddej bid-deportazzjonijiet lejn il-Haiti, fejn huwa mifhum li llum se jkun hemm tliet titjiriet, li ħafna minnhom jikkonsistu f’immigranti adulti li kienu qed jivvjaġġaw waħedhom.

Gruppi għad-drittijiet umani kkritikaw din id-deċiżjoni, li qalu kienu jistennew taħt l-amministrazzjoni ta’ Trump, iżda mhux ta’ Biden.