Annimali
ARA: Falkun qed irabbi l-għeruq fil-ġonna ta’ Sant’ Anton

Nies li fl-aħħar ġimgħat żaru l-ġonna ta’ Sant Anton, b’mod partikolari l-Kitchen Garden, innutaw viżitatur mhux tas-soltu.

“Harris hawk, kien hemm wieħed ħarablu u spiċċa hawn, ġie sidu jipprova jaqbdu u ma qabdux u baqa’ hawn. Issa ilu xi 3 ġimgħat resident hawn, jiġi l-biċċa l-kbira filgħodu u ġieli mal-ħin wara nofsinhar ukoll,” qal il-ġardinar Raymond Sciberras.

Is-Sur Sciberras qal li dan il-falkun iżur il-Kitchen Garden biex jiekol. “Sar jiġi kuljum hawn. Ninzertawh kemm il-darba anki jikkaċċja ħamiem u jiekol, u sar inaffar il-ħamiem minn hawn ukoll għax kien qed isir problema, il-popolazzjoni tiegħu kienet qed tikber ħafna.”

Il-falkun mhux ta’ periklu għan-nies. Raymond, li hu stess irabbi falkun id-dar, qal li bħala tajra tal-priża, l-falkun huwa fidil ħafna. Qal li jindunaw li l-falkun ġej għax inaffar il-ħamiem kollu.

“Jiġi jdur dawra, itir, hawn siġra din ta’ warajja joqgħod fuqha. Jagħmel siegħa sagħtejn, jitlaq ġieli jerġa jiġi, din is-siġra jħobbha ħafna u hemm oħra hemm barra fejn il-bieb tal-Kitchen Garden u jħobb ikun fiha wkoll.”

Mal-lejl, ħafna drabi jmur jorqod fis-siġar qrib il-Palazz tal-President. Raymond jistma li dan il-falkun għandu madwar sentejn.

“Għax l-ewwel sena li jkun għadu ferħ ikollu l-ewwel sena l-plummage tiegħu ikun irrigat imbagħad meta jilħaq il-maturità tiegħu dak il-kulur imurlu kollu, jiġi kollu skur taħt il-ġwienaħ u għad fadallu xi rix waħdiet li għadu ma bidilhomx jiġifieri nissoponi li viċin is-sentejn għandu.”

Bħal bqija tal-ħaddiema tal-Kitchen Garden, Raymond jixtieq li l-falkun jibqa’ jħossu komdu hawnhekk u jsir parti mill-familja tal-annimali li hemm fil-Kitchen Garden, fosthom, debba, ħmir, gidi, papri, lama, ċriev u emu. Diġà filfatt qed jaħsbu x’isem se jagħtuh!