Ippjanar u bini
ARA: Familji jiddevertu fil-Buskett – ma jafux bil-periklu fuq rashom

Mhijiex żona fejn qed isir tħaffir jew tielgħa l-bini iżda tispikka l-ħemda. F’ambjent imfittex minn ħafna għal xi passiġġata u ħin għall-kwiet, Television Malta jiżvela struttura kbira f’periklu li taqa’ u tikkawża xi traġedja.

Minkejja li l-awtoritajiet għandhom f’idejhom il-permessi biex jirranġaw il-ħsara f’din l-istruttura li għandha aktar minn 300 sena, ix-xogħol ma bediex u ż-żona għadha miftuħa għall-pubbliku.

Dan il-filmat ittieħed fl-10 ta’ Frar li għadda, jum ta’ btala pubblika. Familji bi tfal mexjin għall-kwiet quddiem struttura antika fil-qalba tal-Buskett. Oħrajn ramaw mejda u siġġijiet madwarha u qed jagħmlu picnic, waqt li f’dan l-istess spazju diversi ħallew il-vettura tagħhom ipparkjata. Din hi xena komuni fil-qalba tal-Buskett, b’ħafna aktar nies jiffrekwentaw il-post fi tmiem il-ġimgħa. Ma jafux iżda l-periklu li jinsabu fih! Il-parti ta’ fuq ta’ din il-binja inqatgħet mill-bqija u qed tixpakka ‘l barra, b’ċans li minn ħin għal ieħor il-faċċata tiġġarraf u tiġi fejn hawn il-vetturi pparkjati u n-nies mexjin. Biżżejjed tittawwal lejn is-saqaf minn ġewwa.

Il-problemi jikbru għax fuq din l-istruttura għaddejja triq. Il-piż tal-vetturi li jgħaddu ma jgħinx. L-istess il-liedna, min ġietu l-idea li jwaħħal arblu tad-dawl fit-triq, eżatt fuq din id-daħla, u n-nuqqas ta’ manutenzjoni.

Television Malta jinsab infurmat li l-awtoritajiet ilhom snin jafu bil-kundizzjoni ħażina tal-istruttura u għandhom f’idejhom il-permessi biex isiru l-interventi meħtieġa. Disa’ snin ilu, Ambjent Malta applikat mal-Awtorità tal-Ippjanar u kisbet il-permessi biex tħott il-ħajt ta’ mat-triq, fuq l-istruttura; jinqala’ wiċċ it-triq u l-materjal taħt l-asfalt biex jitneħħa l-piż minn fuq l-arkati; tissaħħaħ l-istruttura u fuqha tinbena mill-ġdid it-triq u l-ħajt tal-parapett.

Dan il-permess iġġedded f’Novembru li għadda. Sal-lum ix-xogħol ma bediex, b’persuni tal-mestjier li tkellmu ma’ Television Malta qalu li kienu jistennew li għall-anqas bħala miżura ta’ sigurtà l-aċċess għall-pubbliku f’din iż-żona jingħalaq b’ilqugħ kif isir darba f’sena, fi żmien l-Imnarja, meta waqt l-akbar attività annwali fil-Buskett jitpoġġew generators u tagħmir ieħor.

Ma’ ħafna, din id-daħla kbira fil-ħajt hi magħrufa bħala s-sala. Inbniet f’nofs is-seklu 17 mill-Granmastru Lascaris. F’publikazzjoni dwar il-ġonna pubbliċi, l-awtur Joseph Borg jgħid li din hi struttura ċentrali fil-Buskett. Magħha hemm imwaħħla lapidi li jfakkru ġrajjiet ewlenin b’rabta mal-ġonna u kienet tintuża bħala guva għal għasafar eżotiċi bħall-paguni. Kellha wkoll funtana, bl-ilma ġieri.

Fuq barra, bejn l-arkati, stalaktita kbira, li jingħad setgħet inġiebet minn Għar il-Kbir. Fuq ix-xellug, rampa li twassal għal dar mibnija mill-Kavallieri bħala post mnejn issir il-kaċċa. Dr Borg kiteb li d-dar attwali nbniet mill-Granmastru Pinto, f’tarf is-seklu tmintax, u hi estensjoni ta’ oħra li nbniet mill-Granmastru La Vallette.