Barranin
Ara: F’Gaza jiġġarrfu l-uffiċji ta’ għadd ta’ midja internazzjonali fosthom tal-Al Jazeera

F’Gaza, attakk mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani ġarraf binja li fiha kien hemm l-uffiċċji ta’ media internazzjonali fosthom l-Associated Press u l-Al Jazeera. Il-binja ġiet evakwata minn qabel wara li s-sid kien avżat minn Iżrael li se jattakkaw għax qalu li hemm interessi militari tal-Hamas.

Minn tal-anqas 13 persuna nqatlu fosthom tmint itfal, f’attakk iehor Iżraeljan fuq kamp tar-refuġjati f’Gaza. Qed jiġi rrapportat li tarbija ta’ ħames xhur li nstabet qalb it-tifrik, hija l-unika membru ta’ familja ta’ 10 li salvat.

Militanti tal-Hamas irritaljaw għall-attakk fuq il-kamp tar-refuġjati bi sparar ta’ madwar 200 rocket fuq bliet f’Iżrael fosthom. F’dawn l-attakki, raġel li kellu ftit aktar minn 50 sena, inqatel qrib Tel Aviv.

Wieħed mir-rockets laqat blokka ta’ appartamenti f’Ashdod. Mark Reidman ta’ 34 sena huwa fost ir-residenti.

“It is disappointing, we want to live in peace and quiet. I have three kids, small ones. And I need to handle the explaining them what happened here, why this is happening. So it is not a trivial situation, in how to deal with it, but we don’t have options, we need to move on.”

Iżrael irrapporta disat imwiet fosthom ta’ suldat fuq il-fruntiera ta’ Gaza u żewġt itfal.

L-isforzi diplomatiċi biex jintemm il-ġlied mistennija jintensifikaw issa li wasal Tel Aviv il-mibgħut Amerikan Hady Amr. Diġà għaddejjin diversi tentattivi miċ-Ċina, l-Eġittu u għadd ta’ pajjiżi Għarab biex jintlaħaq qbil għall-waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ naħat.

Is-Sibt hija l-ġurnata li matulha l-Palestinjani jfakkru dik li jsejħu ‘katastrofi’, meta fl-1948 twaqqaf l-istat ta’ Iżrael. Sorsi uffiċċjali qalu li mit-Tnejn ‘l hawn, f’Gaza inqatlu 139 persuna fosthom 39 tifel u tifla. Kważi 1,000 oħra ndarbu.

Sadattant, f’diversi pajjiżi saru dimostrazzjonijiet b’turija ta’ solidarjetà mal-Palestinjani. F’Londra, id-dimostranti xejru bnadar Palestinjani meta nġabru f’Marble Arch u mxew lejn l-ambaxxata Iżraeljana. Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li r-Renju Unit irid jara t-tensjoni li qamet bejn iż-żewġ naħat tonqos illum qabel għada.

Anki fil-kapitali Spanjola Madrid, eluf ta’ nies niżlu fit-toroq b’solidarjetà mal-Palestinjani. Fil-Ġermanja, dik li kellha tkun dimostrazzjoni paċifika f’Berlin fil-Ġermanja inbidlet f’waħda vjolenti.

Fil-Ġordan, mijiet ipprotestaw qrib il-fruntiera ma’ Iżrael f’Jordan Valley u qrib l-ambaxxata Iżraeljana f’Amman. Huma talbu lill-Gvern biex jiftaħ il-fruntieri ħalli jingħaqdu ma’ ħuthom il-Palestinjani. Sejħu wkoll għat-tkeċċija tal-ambaxxatur Iżraeljan u għall-waqfien tat-trattat ta’ paċi ma’ Iżrael.