Lokali
ARA fi 3 minuti l-ewwel jum ta’ Destiny fil-Eurovision Song Contest

Wara bosta ġimgħat ta’ tħejjijiet, ilbieraħ il-kantanta Maltija Destiny temmet b’suċċess l-ewwel prova tagħha għall-ewwel semi-finali tal-Eurovision Song Contest f’Rotterdam.

tvm.com.mt qiegħed ixandar l-ewwel minn sensiela ta’ produzzjonijiet b’rabta mas-sehem tal-ambaxxatriċi Maltija fil-65 edizzjoni ta’ dan il-festival.

Il-filmat juri fost oħrajn lil Destiny titħarreġ fil-vuċi mal-għalliema tagħha Maria Abdilla u tipprattika ż-żifna mal-erba’ żeffiena tagħha taħt id-direzzjoni artistika ta’ Sacha-Jean Baptsite, il-persuna responsabbli mid-dehra u l-koreografija tal-kantanta Maltija.

Mumenti wkoll ta’ emozzjoni ftit minuti qabel ma’ Destiny rifset fuq il-palk għall-ewwel darba fl-arena Ahoy u r-reazzjoni tagħha fi tmiem il-prestazzjoni tagħha li fissritha bħala “inkredibbli”.

Tul il-prestazzjoni tagħha, Destiny wriet kunfidenza kbira u deher li kellha kontroll assolut tal-palk u m’hemmx dubju li l-kantanta Maltija se tkompli ttejjeb il-wrija tagħha għas-semi-finali tat-Tlieta li ġej.