Infrastruttura
ARA: Fiex wasal il-bini ta’ breakwater f’Marsaxlokk

Mill-ħafna proġetti ta’ żvilupp madwar il-pajjiż, uniku hu wieħed f’Marsaxlokk li jinvolvi l-bini ta’ breakwater fiż-żona magħrufa bħala l-Ponta tal-Qrejten. Ix-xogħol minn fuq l-art u mill-baħar qabad ritmu tajjeb bil-għan li l-port jitkennen u jonqos ir-riskju ta’ ħsarat fil-bastimenti u d-dgħajjes tas-sajjieda, fi strutturi u attivitajiet ekonomiċi mal-kosta ta’ dan il-villaġġ pittoresk.

Fis-servizz li jmiss, TVM tkellem mal-periti inkarigati dwar it-teknika tal-bini ta’ breakwater.

Beda jieħu sura l-pedament ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten f’Marsaxlokk. Il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ Infrastructure Malta, il-Perit Janice Borg, spjegat li x-xogħol qed isir f’fażijiet billi kull darba li jitlesta t-tħammil f’tul ta’ sitt metri, issir sodda tal-konkos biex jiġi invelat qiegħ il-baħar. S’issa tlestew l-ewwel tmintax-il metru u x-xogħol irid jissokta hekk sakemm ikopru l-110 metri li se jkun twil il-breakwater.

“Qed jitpoġġew blokki kbar tal-konkos li ħa jiffurmaw l-istruttura tal-breakwater u mbagħad ħa jitpoġġa l-ħadid u l-konkos biex isir l-istruttura flimkien. Tintrabat flimkien.”

Il-blokki kbar tal-konkos, li permezz tagħhom se jinbena bħal ħajt mill-qiegħ sa wiċċ l-ilma, qed jitniżżlu u jiġu invelati bl-għajnuna ta’ għaddasa, li f’dan l-istadju għandhom rwol kruċjali.

“Kollox l-għaddasa jkunu qed jagħmlu. Jiġifieri dawn il-blokki jkunu qed jagħmluhom taħt l-ilma, ħafna drabi f’viżibilità kważi żero ma jkunu qed jaraw xejn. Barra minn hekk l-għaddasa wkoll jagħmlu xogħlijiet bħal pereżempju jekk hawn is-silt curtain, jekk tqattat isewwuha huma. Jekk qed nagħmlu surveying ta’ taħt l-ilma għandek bżonn l-għaddasa, għandek is-surveyor fuq l-art imbagħad għandek l-għaddas fil-baħar li qed jigwidah fejn għandu jieħu l-qari tal-livelli.”

Il-Perit Borg spjegat li x-xogħol fuq il-breakwater se jibqa’ għaddej bl-istess ritmu fix-Xitwa għalkemm ikollu jieqaf f’maltemp qawwi.

Il-Perit reponsabbli mill-proġett, Elaine Stephania Farrugia spjegat li meta l-istruttura ta’ taħt il-baħar tintrabat flimkien, tingħata art tal-konkos fuq kollox. Minn hemmhekk jibda x-xogħol fuq il-parti ‘l fuq minn wiċċ l-ilma.

“U jinbena ħajt ieħor li miegħu jitpoġġew blat kbir li ħa jkunu disinjati apposta biex ikissru l-mewġ u ma jħalluhomx jidħlu fil-ħajja ta’ Marsaxlokk.”

Il-periti osservaw li l-akbar sfida f’dan il-proġett hi li x-xogħol qed isir taħt il-baħar. Irrimarkat fuq l-importanza ta’ komunikazzjoni tajba bejn l-għaddasa u l-ħaddiema fuq l-art. Il-breakwater qed jinbena f’fond ta’ madwar tliet metri u nofs taħt il-livell tal-baħar. Il-wiċċ tiegħu, ‘l fuq mill-baħar, se jkun wiesgħa mas-sitt metri. L-istruttura se tkun tixbaħ lil dik tal-breakwater tal-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ erba’ miljun ewro, parti minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-andament tax-xogħol ma jkunx imxekkel mit-temp, il-proġett għandu jkun lest is-sena d-dieħla.