Storja
Ara: Fil-gwerra t-Taljani kienu ġifa jew qalbiena?

L-attur Charles Thake kien jirrakkonta, b’nofs ċajta, li t-Taljani fil-gwerra kienu jitilgħu fil-għoli biex jieħdu b’idejn San Pietru. Ġużè Ellul Mercer, f”Taħt in-Nar’, jgħid li l-ajruplani Taljani kienu jitfgħu l-bombi fejn ħabat laqat.

Spiss, jingħad li t-Taljani fit-Tieni Gwerra Dinjija tant kienu ġifa li meta kienu jiġu biex jattakkaw lil Malta kienu jtiru fil-għoli, jitfgħu l-bombi fil-baħar, u jaħarbu ‘l hemm. Imma veru?

Fid-dokumentarju ‘Malta fil-Gwerra’, il-ġurnalist ta’ TVM Mario Xuereb u r-riċerkatur Martin Debattista juru li kienu l-gazzetti ‘Times of Malta’ u ‘Il-Berqa’ li sa minn qabel bdiet il-gwerra kienu daħħluha f’moħħ il-Maltin li t-Taljani ma kinux maqtugħa għall-gwerra.

Meta bdiet il-gwerra, ir-realtà uriet mod ieħor. Permezz ta’ diversi dokumenti, xhieda u rakkonti, id-dokumentarju juri kif il-bdoti Taljani kienu avjaturi tajbin ħafna li kienu jinqalgħu l-aktar għall-akrobaziji. Biex jiġġieldu, kienu mħarrġa ferm anqas. Madanakollu, fil-11 ta’ Ġunju tal-1940 seħħ l-ewwel ħbit mill-ajru fuq Malta, oħroġ il-għaġeb, kienu t-Taljani li nisslu l-paniku u kkawżaw l-ewwel imwiet fost il-Maltin.

Għaldaqstant, kienu jew ma kinux jarmu l-bombi t-Taljani u mbagħad jaħarbu ‘l hemm? Din kienet prassi normali għall-bdoti mħarrġa ta’ kull nazzjon. Huma kienu jarmu l-bombi fi tmiem l-attakk bil-għan li fost l-oħrajn l-ajruplan jiħfief u jkun jista’ jiżgiċċa f’każ li jkun hemm xi fighter qed isegwih.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu bosta, b’mod ġenerali, minkejja li ma kellhomx tmexxija soda u wisq anqas armamenti ta’ barra minn hawn, il-bdoti Taljani kienu kuraġġużi daqs il-bdoti l-oħrajn kollha li ħadu sehem fil-gwerra.

Fid-dokumentarju qed jintwerew għall-ewwel darba filmati esklussivi ta’ Malta fil-gwerra miġbuda minn Stan Fraser, gunner Ingliż stazzjonat f’Malta bejn l-1941 u l-1943.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

F’dawn l-aħħar ġimgħat il-kantant tal-grupp Winter Moods, Ivan Grech, hu u jqelleb fuq il-midja soċjali ġie wiċċ imb wiċċ ma’ verżjoni rock il-ġmiel tagħha tal-kanzunetta ‘Happy’ tal-kantant Amerikan Pharrell Williams….

Tradizzjonijiet

Il-gżira tat-tliet għoljiet, b’mod speċjali, mgħonija bi tradizzjonijiet u drawwiet lokali ta’ kull xorta. Lil hinn mill-għadd ta’ użanzi li jikkaratterizzaw ‘il Għawdex mil-lat artiġjanali jew kulinarju, fil-gżira Għawdxija għadek…

Tfal

Il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà nediet pjattaforma online fejn it-tfal jistgħu jaqsmu il-ħsibijiet u modi prattiċi li jiġu ffaċċjati kuljum minħabba il-pandemija u kif qed jirnexxielhom jegħlbu l-isfidi. Bl-iskejjel magħluqin u kostretti…

Aktar