Barranin
Ara: Fil-Polonja daqshekk maskri fil-pubbliku, il-barijiet u r-ristoranti jimtlew bin-nies

Mil-lum, il-barijiet u l-ħwienet tal-ikel fil-Polonja reġgħu bdew jilqgħu lin-nies wara aktar minn sitt xhur joffru biss servizz ta’ take away. Ir-ristoranti u l-barijiet, għalissa, qed jaqdu lin-nies fuq barra tal-istabbilimenti biss peress li l-imwejjed fuq ġewwa mistennija jerġgħu jakkomodaw lill-klijenti mit-28 ta’ Mejju.

F’dan l-isfond, kif jixhdu għadd ta’ filmati li qed iduru mal-erbat irjieħ, bosta Pollakki sabu x-xoqqa f’moxtha biex mat-tokki ta’ nofs il-lejl jerħulha jimlew il-ħawsla jew jixorbu xi ħaġa. Immaġni, li jfakkru kważi kważi n-normalità sħiħa li ilna mċaħħda minnha għal aktar minn sena frott iċ-ċirkostanzi bla preċedent li ġabet magħha l-pandemija.

Fi żvilupp ieħor, tħabbar ukoll li mil-lum l-ilbies tal-maskra fil-pubbliku fil-Polonja m’għadux obbligatorju.

Fl-aħħar jien, il-każijiet ta’ Covid fil-Polonja naqsu ġmielu. Filwaqt li fl-1 ta’ April fil-Polonja ġew irreġistrati aktar minn 35,000 każ ġdid ta’ Covid, matul l-aħħar 24 siegħa tħabbru ftit aktar minn 3,000 każi ġodda biss.

Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC ftit anqas minn 14% tal-popolazzjoni Pollakka tlaqqmet kontra l-Covid-19 għalkollox.