Lokali
Ara: Filmat virtwali biex tifhem xi tħoss bl-awtiżmu

Tista’ qatt tħoss il-kundizzjoni li mhix fuqek bħal ngħidu aħna l-awtiżmu? Bi proġett li sar mill-Fakultà tal-ICT fl-Università, wieħed jista’ jesperjenza permezz tar-realtà virtwali l-kundizzjoni tal-awtiżmu. Dr Vanessa Camilleri mill-Fakultà tal-ICT se tkun qed tagħti din l-esperjenza fil-Malta Brain Awareness week fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-ġimgħa d-dieħla.

Dr Vanessa Camilleri qalet li “l-empatija hija li tkun kapaċi timxi fiż-żarbun ta’ ħaddiehor, xi ħaġa li ma tantx nagħmluha u din ir-realtà virtwali tgħinek timxi fiż-żarbun ta’ ħaddieħor.

Dr Vannessa Camilleri spjegat li dan huwa l-iskop u r-riżultat aħħari ta’ apparat tar-realtà virtwali li bih għal ftit minuti tħoss l-effetti li tfal bl-awtiżmu jgħixu fil-ħajja ta’ kuljum.

Il-proġett inħadem wara riċerka estensiva u bl-għajnuna ta’ ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu. Dan jirreplika dak li tħoss tifel jew tifla bl-awtiżmu fil-klassi, bl-LSA ħdejha, il-ħsejjes li jisma’ u l-frustrazzjoni li din il-kundizzjoni ġġib magħha. L-esperjenza ta’ realtà virtwali ġġiegħlek tħossok waħdek u tgħinnek tirrealizza kemm min ikollu l-awtiżmu, ikollu esperjenza iebsa, minn dik ta’ tfal oħrajn.

Dr Camilleri qalet li bħala paarti mir-riċerka, dal-proġett ser ikompli jiġi żviluppat biex iżid l-għarfien bil-ħsieb li jindirizza l-bżonnijiet tal-persuni li jkunu f’dawn is-sitwazzjonijiet.

“Għandna hafna hsibijiet biex inkompli napplikaw ir-realtà virtwali biex intejbu l-ħajja tan-nies u napplikaw għall-fondi biex inkabbru l-proġetti” qalet Dr Camilleri.

Il-ġimgħa d-dieħla fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-pubbliku se jkollu ċ-ċans li jagħmel din l-esperjenza tal-awtiżmu bħala parti minn ġimgħa ta’ attiivitajiet dwar ir-riċerka fuq il-moħħ.