Lokali
ARA: Fit-terapija man-natura Marie Ellul sabet kenn mill-iskiżofrenja

Għal xhur sħaħ, Marie Ellul kienet vittma tal-iskiżofrenja iżda f’Villa Chelsea sabet spalla fit-terapija man-natura biex tegħleb din il-problema ta’ saħħa mentali. Hija qed tibbenefika minn programm ta’ terapija qalb in-natura – proġett konġunt ta’ Friends of the Earth Malta u l-Fondazzjoni Richmond li tmexxi Villa Chelsea. Fit-terapija man-natura sabet kenn mill-iskiżofrenja.

“Kont inkun id-dar waħdi. It-tfal kienu jkunu l-iskola u kont nispiċċa fis-sodda. Dejjem bla motivazzjoni. Bla ħajra biex nagħmel il-faċendi. Imbagħad spiċċajt għand il-psikjatra; kelli l-viżta u għidnielu l-problema u s-social worker issuġġerixxa li nibda mmur Villa Chelsea” qalet Marie Ellul.

Fl-aħħar xhur, Marie Ellul bdiet tuża s-servizz tal-Fondazzjoni Richmond f’Villa Chelsea biex tegħleb l-iskiżofrenja; diżordni mentali li tikkaġuna fost ohrajn frustrazzjoni u iżolament.

Marie Ellul qalet li “naqbad tal-linja, niġi hawn, nagħmel xi faċenda allokata għalija bħal ħasil tal-kamra tal-banju jew ħasil ta’ kurutur; jew taraġ jew hekk – kulħadd ikollu d-duty tiegħu; u tista’ ssajjar ukoll”.

Ħafna gruppi differenti fuq stress management; anger management self care.

Flimkien ma’ 12-il resident u sitt klijenti oħra li jużaw is-servizz ta’ Villa Chelsea, qed jagħmlu programm ta’ terapija qalb in-natura.

“Drip Irrigation, għamilna l-bankijiet; għamilna l-fjuri; għamilna l-herbs – jiena nsaqqihom kull jumejn; u meta ma tagħmilx xita anke kuljum” żiedet tgħid Marie Ellul.

Tina Mgharious, li tispeċjalizza fir-rijabilitazzjoni tas-saħħa mentali qalet li r-riċerka turi li n-natura hija ta’ benefiċċju għall-persuni bhal dawn.

Tina Mgharious qalet li “meta persuna jkollha kuntatt dirett man-natura hemm ċans inqas ta’ dipressjoni, ansjetà, stress kroniku”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant saħqet li permezz tal-għajnuna dawn il-persuni jistgħu jagħmlu suċċess minn ħajjithom.

Stephania Dimech Sant stqarret li “bil-mod il-mod jibnu ċertu kunfidenza u filwaqt li jibdew jaraw ir-riżultat – ittihom ammont ta’ sodisfazzjon, jerġgħu jiksbu l-kunfidenza fihom nfushom u ttihom il-motivazzjoni biex iqumu filgħodu u jagħmlu xi ħaġa”.

Is-Sibt 13 ta’ Jannar, Villa Chelsea ser tkun miftuha għall-pubbliku biex jara l-ħidma li issir hawnhekk fir-rijabilitazzjoni ta’ persuni li għandhom problema ta’ saħħa mentali.

Aħbarijiet Oħra
Gazzetti

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, il-Ħadd 23 ta’ Settembru, 2018 The Malta Independent Timmarka d-demostrazzjoni li saret kontra l-vjolenza domestika fil-Belt Valletta. Rapport ieħor jgħid li dawk li jaħdmu…

Televiżjoni u Radju

Lejn tmiem is-snin 30 l-awtoritajiet Taljani fil-Libja kienu konvinti li l-Maltin ta’ Tripli kienu qed jibagħtu żgħażagħ mill-komunità tagħhom lejn Malta biex jidħlu fl-armata Ingliza. Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Taljani…

Renju Unit

Meta r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Maltin, li ilhom jgħixu fir-Renju Unit għal tal-inqas ħames snin se jkunu intitolati għal dokument ġdid ta’ residenza msejjaħ settled…

Aktar