Eurovision
Ara: “Fl-2001 meta tlajt nara ‘l ħija l-Eurovision kont eċitata aktar minnu, Fabrizio ispirani bil-kbir” – Claudia Faniello

Li kieku l-Covid-19 m’għoġbux iġib lid-dinja għarkupptejha mil-lejl għan-nhar, illum aktarx li l-mezzi tax-xandir kienu jkunu qed jaġġornawna bl-aħħar żviluppi minn Rotterdam b’rabta mat-tħejjijiet għall-finali tal-Eurovision Song Contest. Għexieren ta’ eluf ta’ dilettanti tal-mużika llum kellhom ikunu fuq ix-xwiek biex għada filgħaxija jsegwu l-finali tal-festival, bit-tama li Malta wkoll kien ikollha ċ-ċans li turi x’issarraf.

Ġaladarba r-realtà din is-sena hija xort’oħra, aktarx li dak li jkun ma trid xejn biex jinħakem xi ftit jew wisq min-nostalġija, b’bosta segwaċi tal-festival jaf f’dawn l-aħħar jiem qed jinfexxew jaraw edizzjonijiet preċedenti tal-Eurovision bil-għan li jżommu l-ispirtu tal-ispettaklu ferm għal qalbhom ħaj xorta waħda.

Fost l-artisti li rrappreżentaw lill-gżejjer Maltin fil-Eurovision matul is-snin jispikkaw għadd ta’ parenteli. Fost l-aħwa li kellhom ix-xorti jpaxxu l-widna tal-pubbliku f’isem Malta, Fabrizio Faniello b’ ‘Another Summer Night’ u ‘I Do’ fl-2001 u fl-2006, u oħtu Claudia fl-2017 bil-kanzunetta ‘Breathlessly’.

F’kummenti lil tvm.com.mt, Claudia u Fabrizio Faniello stqarru li l-mużika ilha għal qalbhom minn mindu kienu għadhom ħalib ommhom fi snienhom. Claudia qalet li l-mużika għaliha kienet sors ta’ salvazzjoni hekk kif il-ħajja mhux dejjem ward u żahar. Fabrizio, bħal oħtu, stqarr li daqstant’ieħor sab wens fil-mużika b’mod speċjali meta mhux dejjem kollox mexa ħarir f’ħajtu.

Bejn l-aħwa, il-battibekki ma jonqsux. F’dan l-isfond, Fabrizio stqarr li hu u oħtu wkoll għandhom ħabta jkunu qishom kelb u qattus. Minkejja dan, bejn l-aħwa Faniello jirrenja rispett u mħabba reċiproka liema bħalhom. Saħansitra, Claudia stqarret li skontha fan ta’ Fabrizio daqsha ma hawnx. Irrakkontat, li fl-2001 meta Fabrizio rrappreżenta lil Malta fid-Danimarka kellha qalbha tħabbat aktar minnu. Qalet, li ħuha kien sors ta’ ispirazzjoni kbira għaliha u li tatha għall-kant billi mxiet fuq il-passi tiegħu bil-għan li bħal ħuha hi wkoll jirnexxilha tikseb suċċess u tisraq il-qlub ta’ bosta bil-vuċi distinta tagħha.